“It-tfal tat-tnejn”

Tikteb Dr. Cynthia Tomasuolo (Avukat, Kunsilliera fil-Ħamrun u Parteċipant fil-Programm LEAD)


Jgħidu li t-tfal iġibu l-ħajja, l-allegrija, u t-tama, iżda anke l-inkwiet! Fil-fatt anke l-qawl Malti jgħid: “Tfal u bhejjem għali dejjem’!” Dik il-ħajja. Madanakollu, għal uliedna nagħmlu kollox. Hawn ġenituri li jagħmlu sagrifiċċji kbar sabiex jieħdu ħsieb lill-uliedhom. Hawn ġenituri li saħansitra  joqgħodu bil-ġuħ biex l-uliedhom jarawhom daqs jew aħjar minn ħaddieħor . Jagħmlu dak kollu possibli u li hemm bżonn biex irabbu lil uliedhom f’ambjent san u sigur, u dan jagħmluh flimkien għax t-tnejn li huma responsabbli.

Din hija l-istampa ideali li aħna mdorrija naraw fuq ir-ritratti – dik ta’ missier u omm, li flimkien, fl-aħjar interess, jrabbu u jedukaw lil uliedhom. Iżda din mhix r-realta’ ta’ kulħadd. Hawn ġenituri li qed jużaw l-abbuż u l-vjolenza bħala manifestazzjoni ta’ poter. Hawn ġenituri li qed jużaw lit-tfal bħala arma letali kontra l-ġenitur ieħor! Hawn ġenituri li qed jagħmlu minn kollox sabiex iżommu lit-tfal’ il bogħod mill-ġenitur l-ieħor, mingħajr ebda raġuni valida.

Din hija r-realta’ tal-“parental alienation”, fenomenu li jeżisti fis-soċjetà tagħna. Dan mhu xejn ħlief abbuż, u nemmen bis-sħiħ li għandu jigi kriminalizzat. Huwa fenomenu li mhux biss preżenti fis-soċjetà Maltija iżda li qed jħalli impatt negattiv fuq ħafna familji Maltin, u hu għalhekk li din il-ġimgħa fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna ħassew il-bżonn li jiddiskutu dan is-suġġett, li jifhmu aħjar ir-realtà u l-intensità tal-problemi li jġib miegħu dan il-fenomenu. Il-kunċett tal-“parental alienation” jew inkella kif inhu magħruf  “it-trawma relazzjonali” jfisser li ġenitur jinfluwenza b’mod pernizzjuż lill-minuri, b’tali mod li l-minuri jirrifjuta lill-ġenitur l-ieħor, f’dawk il-każijiet li fihom m’hemm l-ebda evidenza ta’ xi tip ta’ abbuż mill-ġenitur aljenat lejn il-minuri. Ħa nagħmilha ċara – rridu noqogħdu attenti ħafna –  hemm linja sottili bejn l-“parental alienation” u “l-estrangement”.

Estrangement tfisser li ġenitur jonqos mir-responsabbilta’ tiegħu/tagħha u/jew jagħmel/tagħmel xi ħaġa ħażina, xi ħaġa li żgur mhux fl-aħjar interess suprem tal-minuri, bil-konsegwenza li l-minuri jitbiegħed minnu jew minnha. Irridu nirrikonoxxu li jeżistu  każijiet fejn il-ġenitur jabbanduna għal kollox lit-tfal. Hawn każijiet ġenwini ta’ abbuż fuq it-tfal. Hawn każijiet fejn ir-rifjut b’mod assolut tal-minuri li jiltaqa’ mal-ġenitur ma hux riżultat ta’ aljenazzjoni ta’ dak il- ġenitur, iżda riżultat ta’ aġir vjolenti.

Dawn il-każijiet għandhom jiġu identifikati u ttrattati immedjatament, u llum il-ġurnata grazzi għall-Ministru Michael Falzon u l-Gvern Laburista daħal fis-seħħ il-kunċett tal-“mandatory reporting”, li l-għan aħħari tiegħu huwa li jitħaffef il-proċess ta’ meta jkun hemm xi tip t’abbuż fuq il-minorenni. Kull professjonist għandu obbligu legali li jagħmel rapport, jekk iħoss li hemm xi tip ta’ negliġenza jew abbuż. Nemmen li din is-sistema hija bżonnjuża għaliex azzjoni trid tittieħed minnufih, biss nibża li tista’ tiġi użata b’mod perikoluż mill-ġenituri aljenatur, li ħafna drabi jasal sabiex joħloq allegazzjonijiet kompletament  foloz, saħansitra ffabrikati fuq il-ġenituri l-ieħor! Dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati b’kawtela kbira, u b’fatti konkreti, għaliex il-periklu huwa li l-aljenatur jsir l-espert tas-sistema, b’tali mod li juża s-sistema tal-qorti favur tiegħu jew tagħha biex jkompli fl-abbuż tiegħu jew tagħha.

Hawn ġenituri li jkunu huma li qed jsoffru abbuż, iżda jiġu impinġija daqs li kieku huma l-vera aggresuri! Irridu niggarantixxu li s-sistema mhux ha tkun “gender biased”, il-għaliex mhux bil-fors lin-nisa huma f’pożizzjoni ta’ inqas poter u ta’ iktar vulnerabbiltà. Irridu niżguraw li jekk raġel jmur jagħmel rapport f’waħda mill-Għases tal-pulizija jirċievi l-istess trattament, daqs li kienu kien mara! Nagħmel referenza għal każ partikolari fejn raġel spiċċa mhux biss sfurzat il-barra minn daru iżda spiċċa ma jarax lil uliedu, u dan minħabba  allegazzjonijiet li wara numru ta’ snin rriżultaw foloz! Vera li dan ir-raġel ġie ddikjarat liberat iżda bagħta  u għadu jbati l-konsegwenzi sal-ġurnata tal-lum! Dan ir-raġel kien il-vittma, il-vittma li sa ċertu punt ġiet  injorat, il-għaliex kien ir-raġel.

Ejja nkunu konxji u nagħtu każ li 70 fil-mija tal-vittmi tal-aljenazzjoni hawn Malta huma propju l-missierjiet! Ejja nkunu konxji u nirrikonoxxu ukoll li mhux dejjem ikun fl-aħjar interess tal-minuri li dawn jgħixu mal-omm, u għalhekk huwa importanti li naħdmu sabiex nnaqsu dik il-mentalita’ tal-kultura Maltija li t-tfal huma r-responsabbilta’ ta’ l-ommijiet biss. It-tfal għandhom bżonn tat-tnejn, u l-missier kapaċi jrabbi ukoll. 

Share With: