“Issa wasal iż-żmien li nagħmlu differenza”

Tikteb il-Kummissarju Ewropew dwar il-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027, Elisa Ferreira

Jingħad li l-kobor jinħema fin-nar tal-kriżijiet. Jekk dan huwa minnu, illum il-forn qed jaħdem bis-sahra: l-agħar pandemika f’seklu, l-agħar kriżi ekonomika u soċjali f’għexieren ta’ snin – u dan qabel ma nikkunsidraw it-trasformazzjonijiet ta’ sfida fit-tul, mir-rivoluzzjoni diġitali sal-ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Ma’ kull tempesta li qiegħda tolqotna, qed nitgħallmu nħaddnu l-ġdid, bħat-telexogħol u l-edukazzjoni fid-dar. Qed niftakru wkoll dwar l-affarijiet prezzjużi li konna nassumu, bħal saħħitna u l-interazzjonijiet soċjali tagħna. Fuq kollox, dawn il-bidliet jisfurzawna nistaqsu l-mistoqsijiet: “X’futur irridu, għal Malta u għall-Ewropa? Kif nistgħu nadattaw għall-ġdid, filwaqt li nżommu l-aħjar minn dak li għandna?”

Bħala Ewropej, irridu nwieġbu din il-mistoqsija flimkien, għaliex ħaġa waħda hija ċara: l-ebda pajjiż ma jista’ jiffaċċja din is-sitwazzjoni waħdu. Fil-kriżi neħtieġu l-Ewropa – l-akkwist tat-tilqimiet bħala blokk jagħtina setgħa ta’ xiri ferm lil hinn minn dik ta’ kwalunkwe pajjiż wieħed. Neħtieġu l-Ewropa wkoll fl-irkupru – fuq din l-iskala, qed nużaw il-klassifikazzjoni tal-kreditu triple-A tal-Ewropa biex nissellfu mis-swieq finanzjarji. Ir-riżultat se jkun fond ta’ investiment għall-irkupru ta’ EUR 672,5 biljun (EUR 312,5 biljun f’għotjiet u EUR 360 biljun f’self): il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF).

B’madwar 375 biljun ta’ investiment f’għotjiet fil-perjodu 2021-27, il-Politika ta’ Koeżjoni tibqa’ waħda mill-akbar politiki ta’ investiment tal-Ewropa. Għalhekk se jkollna rwol ewlieni, flimkien mal-RRF, kemm fil-kriżi kif ukoll fl-irkupru. L-istorja tal-Unjoni Ewropea hija waħda ta’ konverġenza bejn il-pajjiżi. Madankollu, l-esperjenza turi li l-konverġenza tista’ tnaqqas ir-ritmu, tieqaf jew saħansitra titreġġa’ lura matul il-kriżijiet. Diġà qed naraw indikazzjonijiet li x-xokk simmetriku tal-Covid qed jipproduċi impatt asimmetriku fir-reġjuni tagħna. Dan juri l-importanza tal-koeżjoni bħala għodda tal-iżvilupp fit-tul, mhux biss fi “żminijiet normali”, iżda wkoll matul kriżi u s-segwietu tagħha. 

Fil-fatt, il-Koeżjoni diġà qed tagħti sehemha. Mill-bidu tal-kriżi, minn April tas-sena li għaddiet, permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus, konna qed inwasslu appoġġ fir-reġjuni li l-aktar kellhom bżonnu. U għadna qed nagħtu r-riżultati: ventilaturi fi Spanja, testijiet tal-laboratorju għall-Corona fl-Italja, infrastruttura u taħriġ għall-edukazzjoni diġitali fil-Polonja u l-Kroazja – il-lista tkompli. Sal-lum, diġà mexxejna aktar minn EUR 22 biljun madwar l-Ewropa kollha. Tista’ ssegwi l-investimenti kważi fil-ħin reali fuq is-sit web iddedikat tagħna. Fiż-żmien li fih qed jinkiteb dan, konna pprovdejna lil kważi 500,000 SME b’kapital operatorju biex ikunu jistgħu jibqgħu joperaw, u appoġġajna 2.5 miljun persuna f’arranġamenti ta’ xogħol għal żmien qasir jew fil-kura tas-saħħa.

Iżda filwaqt li għadna nitħabtu biex inrażżnu l-pandemika, neħtieġu wkoll pjan għal irkupru solidu u fit-tul. Bil-finanzjament mill-Politika ta’ Koeżjoni u l-Faċilità l-ġdida għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), ħafna pajjiżi u reġjuni, fis-snin li ġejjin, se jkollhom baġit ta’ investiment Ewropew darbtejn jew tliet darbiet akbar mis-soltu. 

Taħt REACT-EU, strument ġdid ta’ emerġenza, Malta se tibbenefika minn EUR 111 miljun addizzjonali fl-2021 u l-2022 għall-appoġġ għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, bħala miżura ta’ mitigazzjoni tal-impatt soċjali tal-kriżi. Fl-2021-2027, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE se tagħmel disponibbli EUR 860 miljun, żieda ta’ 21 % meta mqabbla mal-2014/2020. Dawn il-fondi se jikkontribwixxu prinċipalment għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet innovattivi ta’ Malta u għall-appoġġ tal-SMEs tagħha, iżda se jappoġġjaw ukoll effiċjenza enerġetika ogħla u aktar enerġija rinnovabbli kif ukoll trattament aħjar tal-iskart u tal-ilma. Se nkomplu niffukaw fuq Għawdex, għat-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli tiegħu. Barra minn hekk, se jkun disponibbli finanzjament sostanzjali tal-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza (EUR 317-il miljun). Il-finanzjament tal-UE f’dan id-deċennju se jipprovdi l-opportunità biex tinħoloq bidla fil-pass biex tingħeleb il-kriżi u tiġi segwita t-transizzjoni diġitali u ekoloġika tal-ekonomija ta’ Malta.

B’din l-opportunità ta’ darba f’ġenerazzjoni, kif se ninvestu? Kif se nfasslu l-programmi ta’ koeżjoni ta’ seba’ snin, li jibdew din is-sena? Liema Malta u liema Ewropa nixtiequ fi żmien 10 snin? Nipproponi tliet prijoritajiet ewlenin.

L-ewwel nett, l-irkupru għandu jkun għall-Ewropej kollha u għar-reġjuni kollha. Il-lezzjoni tal-istorja ekonomika hija ċara: f’kull kriżi, xi reġjuni jirkupraw, filwaqt li oħrajn jistgħu jistaġnaw għal għaxar snin jew aktar. Kull meta niltaqa’ ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha, dejjem ninsisti li ma jistax ikollna rkupru għal nofs l-Ewropa, filwaqt li n-nofs l-ieħor jibqa’ lura! Iżda għadni mħassba dwar ix-xejriet fit-tul: għal aktar minn għaxar snin, aħna fil-Kummissjoni ppubblikajna b’mod regolari indiċi tal-kompetittività reġjonali. Għal diversi Stati Membri, l-indiċi juri distakk persistenti u li qed jikber bejn ftit bliet kbar, ħafna drabi bliet kapitali, u l-bqija tal-pajjiż – mingħajr azzjoni, nirriskjaw futur żbilanċjat ħafna.

Li nirriskjaw kollox fuq dimensjoni waħda tal-iżvilupp inaqqas ir-reżiljenza tal-ekonomija u huwa sors ta’ diviżjoni soċjali. Il-pajjiżi jridu jinvestu strateġikament f’reġjuni differenti, f’netwerk bilanċjat ta’ ċentri kbar u bliet iżgħar u ta’ daqs medju, sabiex it-territorju kollu jibqa’ ekonomikament vibranti, b’negozji lokali u impjiegi ta’ kwalità, trasport pubbliku, netwerks tal-enerġija, sistemi tar-riċiklaġġ u l-iskart, kura tas-saħħa, edukazzjoni u infrastruttura tal-ħiliet.  

It-tieni nett, l-investiment għandu jimmira lejn il-muturi tat-trasformazzjoni ekonomika fit-tul. L-Ewropa tinsab fix-xifer ta’ trasformazzjoni doppja kbira: ir-rivoluzzjoni diġitali u t-transizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Għalhekk, meta nibnu mill-ġdid id-dar tal-ekonomija Ewropea tagħna wara n-nirien tal-Covid, ma nistgħux sempliċiment nerġgħu lura għal dik li kellna qabel: irridu nieħdu l-opportunità biex nibnu mill-ġdid. 

L-Istati Membri għandhom jifformulaw strateġiji validi għall-futur għall-iżvilupp tal-pajjiżi tagħhom. Jibnu fuq il-vantaġġi komparattivi tat-territorji differenti tagħhom u jiżviluppaw kompetenzi ġodda. Mill-inqas nofs l-investimenti ġodda tal-koeżjoni se jimmiraw lejn proġetti intelliġenti u ekoloġiċi, min-netwerks tal-innovazzjoni u l-intrapriżi diġitali sal-enerġija rinnovabbli. Hemm ukoll dispożizzjonijiet speċjali għal sfidi speċifiċi, bħal reġjuni li jiddependu ħafna fuq il-fjuwils fossili, b’mod partikolari t-tħaffir għall-faħam jew l-impjanti tal-enerġija mill-faħam: il-Fond għal Transizzjoni Ġusta l-ġdid se jappoġġjahom matul it-transizzjoni.

L-Ewropa għandha fehma komuni ta’ fejn irridu nkunu sal-2030. Għalhekk neħtieġu viżjonijiet nazzjonali ċari li jiddeskrivu fejn kull pajjiż irid ikun f’għaxar snin. Dawn l-istrateġiji komprensivi għandhom jinkludu r-riformi meħtieġa biex jiġu modernizzati l-amministrazzjonijiet, il-politiki u l-oqfsa nazzjonali. Huma għandhom jagħtu dettalji wkoll dwar l-investimenti korrispondenti, privati u pubbliċi, inkluż l-appoġġ Ewropew, biex dawn isiru realtà. Dawn l-istrateġiji nazzjonali integrati għall-iżvilupp huma l-aħjar pedament għall-investimenti Ewropej kollha – id-diversi fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-FRA – u jimmassimizzaw l-effettività, il-komplementarjetà u s-sinerġiji tagħhom.

It-tielet nett, l-atturi lokali u ċ-ċittadini għandhom ikunu msieħba sħaħ. Qed nieħdu deċiżjonijiet fundamentali dwar il-futur: deċiżjonijiet wiesgħa bħal dawn jeħtieġu konsultazzjoni wiesgħa. Fil-politika ta’ koeżjoni, aħna impenjati favur il- “Prinċipju tas-Sħubija”, li jlaqqa’ flimkien l-atturi reġjonali u lokali, l-imsieħba soċjali u l-komunitajiet. Jien personalment impenjata li niżgura li, hekk kif jitħejjew il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, l-azzjoni rapida tiġi kkombinata ma’ sħubija ġenwina.

L-Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini tmur lil hinn mill-prinċipju tas-sħubija: tfisser ukoll li jiġi żgurat li l-finanzjament disponibbli jasal għand in-nies. Iċ-ċittadini għandhom jaraw il-benefiċċji tas-sħubija fl-UE, ir-riżultati tanġibbli tas-solidarjetà Ewropea fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. 

Hekk kif qed niġu ttestjati fil-forġa tal-istorja, għandna opportunità unika biex nerġgħu nibnu u nippjanaw l-Ewropa li nixtiequ. Ejjew naraw li din tkun inklużiva, fejn ir-reġjuni kollha jipparteċipaw fl-irkupru u l-ebda Ewropew ma jibqa’ lura. Ejjew naraw li tkun valida għall-futur, u twitti t-triq għal rivoluzzjoni diġitali ta’ suċċess u tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. U ejjew naraw li dan kollu jiġi deċiż f’konsultazzjoni u sħubija demokratiċi sħaħ. Din hija l-politika ta’ koeżjoni li rrid nara, fl-ipprogrammar tax-xhur li ġejjin. U din hija l-Ewropa li rrid nara fi żmien 10 snin u lil hinn. Jekk taħsibha l-istess, inħeġġek tinvolvi ruħek fid-diskussjoni. Il-waqt biex nagħmlu differenza huwa issa.

Share With: