Is-swar tal-Imdina u ċ-Ċittadella mdawwla għal aktar għarfien fuq l-awtiżmu

Hekk kif beda x-xahar ta’ April, ix-xahar li huwa ddedikat biex jiżdied l-għarfien fuq l-awtiżmu, il-Fondazzjoni Marigold ingħaqded mal-kumplament tal-komunità internazzjonali tal-Awtiżmu biex timmarka dan ix-xahar, billi simbolikament jixegħlu blu tnejn mill-ogħla postijiet f’Malta u Għawdex, is-Swar tal-Imdina u ċ-Ċittadella.

Il-Fodazzjoni Marigold spjegat li din is-sena dan l-avveniment għandu tifsira aktar profonda minħabba li barra milli jqajjem kuxjenza dwar l-Awtiżmu, jesprimi wkoll solidarjetà għall-isfidi addizzjonali li l-familji fuq l-ispettru qed isofru waqt li jlaħħqu mad-distanza soċjali u l-iżolazzjoni tagħhom infushom, li huma meħtieġa biex titrażżan il-Covid-19.

Il-Fondazzjoni spjegat li għal ħafna nies fuq l-ispettru, li jkollok toqgħod fi spazji ristretti għal perjodu fit-tul hija sfida akbar minn dik ta’ ħafna nies oħra.  Dawn il-passi meħtieġa jwasslu għal ansejtà u stress addizzjonali għal familji fejn l-awtiżmu huwa parti mill-ħajja ta’ kuljum.  Filwaqt li taħdem id f’id mal-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tal-Awtiżmu, il-Fondazzjoni Marigold qed tesprimi solidarjetà mal-familji kollha li għaddejjin minn dan il-perjodu ta’ sfida u tappella lis-soċjetà in ġenerali biex tkun aktar ta’ appoġġ u tifhimhom matul dan iż-żmien.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat, hija l-Ambaxxatriċi Globali ta’ Autism Speaks,  grupp ta’ difiża globali dwar is-suġġett ibbażat fl-Istati Uniti.

Jekk tixtieq tagħti donazzjoni biex tgħin tifrex aktar għarfien dwar l-awtiżmu u tgħin aktar familji li għandhom membri fl-ispettru tista’ tagħmel dan billi ġentilment iċċempel +356 5170 2052 għal donazzjoni ta’ €15; +356 5180 2053 għal donazzjoni ta’ €25; tibgħat SMS lil =356 5061 9238 għal donazzjoni ta’ €11.65; Jew bil-BOV Mobile Pay +356 9991 2373 biex tagħti kwalunkwe ammont.

Share With: