Is-Swar tal-Imdina u ċ-Ċittadella jixegħlu blu biex timmirka x-Xahar Dinji tal-Awtiżmu

Fil-bidu tax-Xahar Dinji tal-Awtiżmu, il-Fondazzjoni Marigold tingħaqad mal-kumplament tal-komunità internazzjonali tal-Awtiżmu biex timmarka x-Xahar Dinji tal-Awtiżmu, billi simbolikament jixegħlu blu tnejn mill-ogħla postijiet f’Malta u Ghawdex, is-Swar tal-Imdina u ċ-Ċittadella. 

Din is-sena dan l-avveniment “tad-dawl” għandu tifsira aktar profonda minħabba li barra milli jqajjem kuxjenza dwar l-Awtiżmu, jesprimi wkoll solidarjetà għall-isfidi addizzjonali li l-familji fuq l-ispettru qed isofru waqt li jlaħħqu mad-distanza soċjali u l-iżolazzjoni tagħhom infushom, li huma meħtieġa biex titrażżan il-COVID-19.

Għal ħafna nies fuq l-ispettru, li jkollok toqgħod fi spazji ristretti għal perjodu fit-tul hija sfida akbar minn dik ta’ ħafna nies oħra.  Dawn il-passi meħtieġa jwasslu għal ansejtà u stress addizzjonali għal familji fejn l-awtiżmu huwa parti mill-ħajja ta’ kuljum.  Filwaqt li taħdem id f’id mal-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tal-Awtiżmu, il-Fondazzjoni Marigold qed tesprimi solidarjetà mal-familji kollha li għaddejjin minn dan il-perjodu ta’ sfida u tappella lis-soċjetà in ġenerali biex tkun aktar ta’ appoġġ u tifhimhom matul dan iż-żmien.

Il-laqgħa simbolika annwali f’Bieb l-Imdina din is-sena reġgħet ġiet ikkanċellata iżda l-Fondazzjoni hija impenjata li tkompli tqajjem kuxjenza u tgħin lill-NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam tal-awtiżmu matul is-sena kollha.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat, hija l-Ambaxxatriċi Globali ta’ Autism Speaks,  grupp ta’ difiża globali dwar is-suġġett ibbażat fl-Istati Uniti.

Jekk tixtieq tagħti donazzjoni biex tgħin tifrex aktar għarfien dwar l-awtiżmu u tgħin aktar familji li għandhom membri fl-ispettru tista’ tagħmel dan billi ġentilment

Iċċempel +356 5170 2052 għal donazzjoni ta’ €15

Iċċempel +356 5180 2053 għal donazzjoni ta’ €25

Tibgħat SMS lil =356 5061 9238 għal donazzjoni ta’ €11.65

Jew bil-BOV Mobile Pay +356 9991 2373 biex tagħti kwalunkwe ammont.

Share With: