Intejbu l-edukazzjoni tal-istudenti tagħna permezz ta’ discovery learning

Waqt it-tnedija ta’ app edukattiva, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana faħħret il-mod innovattiv kif it-teknoloġija timmodernizza t-tagħlim tax-xjenza u tipprovdi tagħmir lill-edukaturi, biex b’hekk tiffaċilita din l-esperjenza. L-app imnedija tintuża mingħajr ħlas fuq tablet jew fuq mobile u hi mfassla biex tipprovdi esperjenza ta’ tagħlim, magħrufa bħala discovery learning, lill-edukaturi u lill-istudenti.

“Din l-app hija mod ġdid kif nagħmlu l-vjaġġ edukattiv tal-istudenti tagħna attraenti u interessanti speċjalment fid-dinja tax-xjenza”, qalet il-Ministru Caruana.

Permezz ta’ ‘Ariana’s magical journal on light’, l-istudenti jsolvu sett ta’ logħob u b’hekk jitgħallmu dwar rifrazzjoni, riflessjoni, il-kuluri tal-qawsalla, lentijiet u ħafna aktar billi jesperimentaw dan is-suġġett f’dinja virtwali.

Danielle Martine Farrugia, komunikatur tax-xjenza, edukatur u lettur fl-Università ta’ Malta qalet, “L-app għandha l-għan li tnaqqas id-distakk bejn is-settur formali u informali/mhux formali billi tgħaqqad diversi partijiet interessati fis-settur edukattiv u l-komunità tar-riċerka. Dan ikompli jħeġġeġ lit-tfal żgħar biex ikunu eċitati u kurjużi dwar ix-xjenza li tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ karrieri STEM”.

Din l-app ġiet żviluppata mill-konsorzju Hybrid Optomechanical Technologies (HOT) u ġiet ittestjata bir-reqqa mat-tfal tal-iskola primarja f’Malta u mal-edukaturi. Dan irriżulta f’app li se taqdi l-bżonnijiet tal-edukaturi, ittejjeb l-esperjenza tat-tagħlim għat-tfal tal-iskola u tgħin biex timmodernizza t-tagħlim tax-xjenza fl-iskejjel primarji. Għall-edukaturi tfassal ukoll manwal biex jużaw l-app fil-klassi.

It-tnedija virtwali ġiet indirizzata wkoll mill-pro-rettur tal-Affarijiet Akkademiċi fl-Università ta’ Malta, il-Professur Joseph Cacciattolo, u mill-Kap tad-Dipartiment tal-Fiżika u l-Malti, il-Professur André Xuereb.

Share With: