Imniedi studju li jiddefinixxi u jikkalkula x’inhu l-Living Income

Josef Bugeja: Il-prinċipju tagħna huwa li kull individwu fis-soċjetà tagħna jgħix ħajja diċenti

Permezz ta’ ħidma konġunta bejn il-General Workers’ Union (GWU), l-Alleanza kontra l-faqar (AKF) u l-Moviment Graffitti tnieda studju professjonali li l-għan tiegħu huwa li jiddefinixi u jikkalkula x’inhu l-Living Income għal tipi ta’ familji u individwi differenti f’Malta.

Waqt konferenza, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja spjega li l-ħidma flimkien ilha għaddejja madwar sena u nofs. Qal li jemmnu li għandu jsir studju fejn jiġi stabbilit jekk hawnx familji u individwi li d-dħul tagħhom mhuwiex biżżejjed biex jgħixu ħajja diċenti. Fisser li meta qed jitkellmu fuq dħul, qed jagħmlu dan f’qafas totali li jista’ jinkludi aspetti kollha bħall-paga, il-benefiċċji soċjali, il-pensjoni, l-edukazzjoni u s-saħħa, fost oħrajn.

“Għandu jiġi stabbilit livell ta’ dħul biex kulħadd jgħix ħajja diċenti”

Permezz ta’ dan l-istudju Bugeja qal li jemmnu li għandu jiġi stabbilit il-livell tad-dħul meħtieġ biex persuni f’kuntesti soċjo-ekonomici differenti ikunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti u dinjituża. Apparti minn hekk, din ir-riċerka għandha tħares ukoll lejn id-dinjità b’mod sħiħ. “Ninsabu miftuħin għall-ideat. Il-prinċipju tagħna huwa li kull individwu fis-soċjetà tagħna jgħix ħajja diċenti. Il-kollaborazzjoni flimkien mhux se tieqaf hawn tant li qed nesploraw oqsma oħra biex inkomplu din il-kollaborazzjoni. Dan għaliex, għandna għanijiet li jgħaqduna lkoll flimkien, fosthom l-għan prinċipali tal-ġustizzja soċjali,” qal Bugeja.

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Kendrick Bondin, qal li dan il-proġett, intitolat ‘The Maltese Living Income’, se jkun qed isir b’valur totali ta’ €90,000 u huwa kofinanzjat minn Fondi Strutturali (ESF) li se tkun qed tħallas 80% filwaqt li l-20% l-oħra se jitħallsu mill-GWU. Filwaqt li fisser li l-istudji se jkunu kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi, żied jgħid li l-proġett għandu jiġi fi tmiemu lejn l-aħħar tas-sena 2022. 

L-idea ta’ Living Income tmur lil hinn minn Living Wage

Bugeja enfasizza l-fatt li l-idea tagħha ta’ Living Income tmur lil hinn minn Living Wage, il-livell ta’ paga meħtieġ għal ħajja diċenti u dinjituża, għaliex il-Living Income jinkludi tipi ta’ dħul ieħor bħal pensjonijiet u benefiċċji soċjali oħra.

Fisser li fl-opinjoni tagħhom, il-Living Income huwa dak il-livell minimu ta’ dħul li bih familja jew individwu f’Malta tkun qed tgħix ħajja diċenti u dinjituża mingħajr ir-riskju ta’ faqar. Dan jiġi kkalkulat abbażi ta’ baskett ta’ prodotti u servizzi li huma bżonnjużi.

Waqt il-konferenza ġie spjegat ukoll li dan l-istudju għandu jidentifika żewġ affarijiet. L-ewwel waħda hija ċ-ċirkostanzi li jwasslu biex id-dħul ta’ ċerti persuni ma jlaħħaqx il-Living Income. It-tieni ħaġa li għandu jidentifika huma l-gruppi fis-soċjetà li huma l-iktar f’riskju li jkunu f’din is-sitwazzjoni. Intqal kif fil-bidu ta’ dan l-istudju għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet bażiċi li jwasslu għal ħajja diċenti u dinjituża. Hemm diversi varjazzjonijiet fosthom l-ikel, l-akkomodazzjoni diċenti, is-saħħa, il-komunikazzjoni, l-edukazzjoni u l-possibiltà tat-tfaddil.

“Nemmnu li d-diskors dwar il-faqar hemm bżonn jinbidel daqsxejn”

Iż-żewġ għaqdiet l-oħra esprimew is-sodisfazzjon ta’ din il-kollaborazzjoni flimkien. Matthew Borg, mill-Alleanza kontra l-faqar qal li bħala Alleanza jemmnu li d-diskors dwar il-faqar hemm bżonn jinbidel daqsxejn. Jemmnu ukoll li f’Malta, bħall-bqija tad-dinja, hawn biżżejjed biex kulħadd jgħix b’mod dinjituż. Fisser li jixtiequ jixprunaw il-ħeġġa politika u xjentifika għal riformi serji. Fi kliemu, riformi progressivi u kuraġġuzi jridu jittieħdu bejn il-gvern, il-privat u l-fqir (jew min jirrappreżentah). Żied jgħid li l-inklużjoni u tnaqqis tal-inugwaljanza jwittu t-triq għal ekonomija b’saħħitha, effiċjenti, produttiva u sostenibbli. Temm jgħid li ladarba l-istudju jitlesta u jitressaq quddiem il-fora rispettivi, ikun hemm stampa aktar ċara filwaqt li stieden lill-policy makers, il-privat u l-imsieħba kollha biex jersqu ‘l quddiem.

“Il-ħidma fiha nnifisha, nemmnu li hija xi ħaġa pożittiva ħafna”

Andre Callus, mill-Moviment Graffitti qal li jinsabu tassew entużjasti dwar dan l-istudju u jemmen li l-ħidma flimkien bejn l-ikbar Union f’Malta li tirrappreżenta eluf ta’ ħaddiema flimkien ma’ żewġ organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-ġustizzja soċjali, hija xi ħaġa importanti u li verament jistgħu joħorġu affarijiet pożittivi minnha. Fisser kif ħafna drabi r-riga li tintuża biex nifhmu kemm pajjiż miexi sew jew le hija r-riga tat-tkabbir ekonomiku. Filwaqt li qal li dan huwa importanti u għandu jkun hemm, sostna li hemm bżonn rigi oħra wkoll. “Ma nistgħux nistrieħu fuq dik ir-riga biss. Irridu nifhmu fil-prattika l-ħajja tan-nies. Nemmnu u naraw li hawn eluf ta’ nies f’Malta, ħafna minnhom ħaddiema u l-familji tagħhom, li minkejja li forsi għandhom xogħol u mhux qegħdin fil-faqar fis-sens li mhux qegħdin fit-triq, xorta qegħdin f’qagħda li hija diffiċli ħafna,” temm jgħid Callus.

Share With: