Imnedija skemi ġodda għal solar water heaters u heat pumps

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli nediet skemi ġodda biex il-familji Maltin u Għawdxin jużaw enerġija rinovabbli u jiffrankaw fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Dawn l-iskemi se jgħinu lill-konsumaturi biex il-familji jaqilbu minn geysers konvenzjonali li jaħlu ammont sostanzjali ta’ elettriku għal water heaters aktar effiċjenti.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Miriam Dalli nediet tliet skemi bil-għan li jgħinu r-residenzi jsaħħnu l-ilma b’mod effiċjenti u ambjentalment sostenibbli. Dawn l-iskemi huma intiżi li jinkoraġixxu l-installazzjoni ta’ solar water heaters u air to water heat pumps għar-residenzi, anke dawk li diġà investew fil-pannelli tax-xemx.

L-iskemi jiffukaw fuq żewġ teknoloġiji li jsaħħnu l-ilma fid-dar: is-solar water heaters, u għal min m’għandux aċċess għall-bejt, l-air to water heat pumps. L-iskema eżistenti tas-solar water heaters, it-Thermal Basic Scheme, tagħti grant ta’ €700 għal apparat b’garanzija ta’ ħames snin. Ma’ dan żdiedet skema  oħra, it-Thermal Premium Scheme, għal sistemi ta’ stainless steel ta’ ‘l fuq minn 100 litru, bi grant massimu ta’ €1,400 li tkopri 75% tal-ispiża totali. Se jkun qed jingħata grant ieħor ta’ €500 fejn il-garanzija fuq dawn is-sistemi tkopri l-10 snin. Is-solar water heaters jiffrankaw medja ta’ madwar 1,800 unit tad-dawl fis-sena għal kull residenza.

It-teknoloġija tal-air to water heat pumps tippermetti lil dawk li m’għandhomx aċċess għal bejt biex jinstallaw teknoloġija ta’ enerġija nadifa biex isaħħnu l-ilma fi djarhom. Din il-grant, bl-isem ta’ Heat Pump Starterse tagħti appoġġ sa massimu ta’ €1,000 fuq l-investiment li jfisser 50% tal-ispiża.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dawn l-iskemi se jkomplu jassistu lill-familji biex jinvestu f’enerġija nadifa biex minbarra li jiffrankaw il-flus, jgħinu lil Malta tkompli taħdem biex tilħaq il-miri tagħha f’dan is-settur. Il-Ministru Dalli qalet ukoll kif dawn l-iskemi jindirizzaw tliet miri tal-iżvilupp sostenibbli hekk kif imfassla minn Nazzjonijiet Uniti.

“Impenjati li nwasslu l-aħjar miżuri u azzjonijiet favur enerġija nadifa u orħos u tkabbir ekonomiku sostenibbli, u se nkomplu naħdmu id f’id mal-istakeholders kif għamilna, fejn il-familji jibqgħu fiċ-ċentru tal-policies tagħna”, qalet il-ministru.

L-applikazzjonijiet għall-klijenti, li se jkun qed jirċevihom ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) se jibdew jintlaqgħu onlajn minn nhar it-Tnejn 26 ta’ April. Iktar informazzjoni dwar it-teknoloġiji u l-proċess ta’ applikazzjoni tinsab fuq is-sit www.rews.org.mt jew fuq freephone 8000 2400

Share With: