Il-Prim Ministru Robert Abela żar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport fl-okkażjoni tal-ġimgħa li fiha qed ikun iċċelebrat Jum il-Ħaddiem

Il-Prim Ministru Robert Abela żar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, fl-okkażjoni tal-ġimgħa li fiha qed ikun iċċelebrat Jum il-Ħaddiem.

Dan mhux biss biex isellem lill-għalliema u l-ħaddiema f’din l-iskola tax-xogħol importanti tagħhom, iżda biex joffri wkoll sinjal ta’ appoġġ lill-istudenti li ħafna minnhom jaspiraw li ’l quddiem ikunu sportivi professjonali.

“Nifhem li f’pandemija anke t-taħriġ tagħkom mal-klabbs u l-kompetizzjonijiet kienu milquta, iżda nħares ’il quddiem biex negħlbu dan il-mument ta’ sfida biex intom ukoll tkunu tistgħu tmorru lura għall-ħajja normali tagħkom u titħarrġu bil-mod li tixtiequ. Irrid nagħmlilkom kuraġġ. Tħallux dan il-perjodu jaqtagħlkom qalbkom,” qal il-Prim Ministru li ħeġġeġ lil dawn iż-żgħażagħ biex joħolmu li jkunu sportivi professjonali.

Il-Prim Ministru fakkar kif bħalissa l-gvern għaddej b’investiment qawwi fil-faċilitajiet li jridu jintużaw fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna. “Faċilitajiet li mhux biss se jservu għal-logħob iżda se jitgawdew mill-isportivi lokali. L-investiment fl-isport ma waqafx f’pandemija u se jissokta fi żmien li ġej,” qal il-Prim Ministru li ngħata spjega tax-xogħol li jsir fi Skola Sport.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru kellu l-opportunità li jsegwi mill-qrib il-bosta dixxiplini sportivi li jitħarrġu fihom l-istudenti matul il-ġurnata u fl-istess ħin irringrazzja lill-għalliema u lill-ħaddiema tal-iskola li huma strumentali biex dawn l-istudenti jimxu ’l quddiem u jipperfezzjonaw l-abbiltajiet tagħhom.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li bħala gvern se nkomplu nagħtu r-riżorsi kollha neċessarji biex l-Iskola Nazzjonali tal-Isport tkompli tissaħħaħ u trawwem iż-żgħażagħ tagħna f’atleti li jistgħu jgħollu l-livell sportiv ta’ pajjiżna fuq livell internazzjonali.

Share With: