“Il-PM qabad il-barri minn qrunu u se joffri ċertezza” – Il-Ministru Owen Bonnici

Il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara l-COVID-19 Owen Bonnici spjega li sena wara l-oħra l-qrati bdew jgħidu li l-liġijiet tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 tikser id-drittijiet tal-bniedem u beda jbati l-istat.

Il-Ministru Bonnici kompla jgħid li mas-snin bdiet titwieled il-biża’ li l-qrati jaslu f’punt li  jordnaw lil min qiegħed jikri biex joħorġu mill-post fejn kienu. Huwa tkellem dwar ir-riforma tal-2018 li dienet tgħolli l-kirjiet bi 2 fil-mija tal-valur tal-propjetà u kif il-qorti kostituzzjonali kkonfermat li din kienet waħda tajba. Bonnici feraħ lill-Prim Ministru Robert Abela li “qabad il-barri minn qrunu u qed japplika dak il-mudell għall-kirjiet protetti l-oħra.” 

Bonnici qal li din ir-riforma li qed tiġi diskussa se tkun qiegħda tagħti ċertezza lill-inkwilini li sa issa għandhom biss ċertezza fuq l-inċertezza tas-saqaf li għandhom fuq rashom. Bonnici kkjarifika dwar ir-riforma tal-2018 u qal li l-qorti tad-drittijiet tal-bniedem aċċettat din ir-riforma għajr biċċa minnha. Il-Gvern dak iż-żmien kien qal li min kien sinjur skont il-kriterji kellu ċans sa ħames snin biex jixtri xi mkien ieħor. Kienet din il-biċċa biss li ma qablitx magħha l-Qorti Kostituzzjonali, iżda mill-bqija faħħret din l-istess riforma.

Share With: