Il-PM iħabbar pakkett ieħor ta’ għajnuna lin-negozji milqutin mill-pandemija

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar pakkett ta’ €20 miljun f’għajnuna finanzjarja lil dawk in-negozji li ntlaqtu ħażin mill-pandemija tal-Covid-19.

Huwa qal dan waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni dalgħodu. Tenna li n-negozji għamlu diversi sagrifiċċji matul dawn l-aħħar xhur madankollu l-Gvern kien determinat biex ma jħalli lil ħadd waħdu.

Għaldaqstant huwa ħabbar li kien se jalloka €20 miljun aktar f’għajnuna finanzjarja lin-negozji, apparti li kreditu ta’ taxxa li jlaħħqu t-€78 miljun se jiġu estiżi bi tliet snin.

Huwa ħabbar ukoll li se jkunu qed jitnedew skemi għal dawk in-negozji li jirrimudellaw lilhom infushom b’tali mod li jkunu sostenibbli, diġitali u jħarsu l-ambjent.

Saħaq ukoll li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar il-Gvern se jkun ħareġ mal-€455 miljun f’wage supplements u għajnuniet oħrajn fosthom is-sussidji fuq il-kera.

Intant il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-miżuri ġodda ta’ għajnuna lin-negozji huma intenzjonati biex jinjettaw likwidità u jistimulaw l-attività ekonomika tal-pajjiż. L-għajnuna se tkun qed tinkludi sussidji fuq il-kirjiet u l-kontijiet tal-elettriku, bis-sussidji fiż-żewġ każi se jkunu jlaħħqu l-50%.

Saħqet ukoll li dawn in-negozji li se jibqgħu magħluqin wara l-10 ta’ Mejju se jkunu qed jingħataw grant ta’ darba ta’ €1,000.

Il-Prim Ministru tenna li kieku l-Gvern ma intervjeniex kif għamel matul dawn l-aħħar xhur, kieku kien ikun hemm għexieren ta’ eluf ta’ persuni li kienu jitilfu l-impjieg tagħhom. Filwaqt li tenna li l-miżuri mħabbrin mill-Gvern huma sostenibbli, huwa appella biex kull min kien qed iwettaq attakk ikkordinat fuq il-pajjiż biex joħnoq l-investiment biex jieqaf mill-ħsara li qed jagħmel lill-pajjiż.

Share With: