“Il-paċenzja tagħna għandha l-limiti… minħabba nuqqas ta’ għaqal qed inħallsu prezz qawwi”

Fl-omelija tal-Quddiesa f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina l-Arċisqof tkellem dwar iċ-ċirkustanzi tal-pandemija li wasslu biex, għal sena oħra, il-Kattoliċi mhux qed jiċċelebraw it-Tridu tal-Għid fil-knejjes. Huwa saħaq li għalkemm “is-saħħa tal-bniedem hi importanti u essenzjali, irridu nifhmu wkoll, li d-dritt li wieħed iqim lil Alla ħaj hu wkoll essenzjali; essenzjali daqs il-ħajja. Mhuwiex fuq l-istess livell tal-banka tal-lottu u tas-supermarkets. Dawk jistgħu jkunu essenzjali għall-bwiet ta’ xi ħadd u biex nixtru x’nieklu, imma llum il-Mulej Ġesù jpoġġilna ikel li aħna fit-talba li għallimna nitolbuh kuljum: ‘Agħtina l-ħobża ta’ kuljum’, mhux biss dak li jrejjaqna fiżikament, imma wkoll spiritwalment”.

Mons. Arċisqof sostna li ebda Kattoliku ma jrid jerġa’ jiċċelebra l-ikbar festa tal-Knisja ’l bogħod mill-knejjes: “Il-paċenzja tagħna għandha l-limiti, nikkoperaw kemm nistgħu u kemm nifilħu, imma ma jistax ikun li minħabba n-negliġenza jew in-nuqqas ta’ għaqal ta’ xi wħud, aħna nkomplu nħallsu prezz daqshekk qawwi, daqshekk kiefer, li ma nistgħux niltaqgħu biex niċċelebraw il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù”. L-Arċisqof stieden lill-Kattoliċi sabiex f’nhar il-Ġimgħa l-Kbira, filwaqt li jobdu r-restrizzjonijiet kollha tas-saħħa, imorru jitolbu fil-knejjes.

F’appell lil kull min ġie mistieden jieħu l-vaċċin, l-Arċisqof qal li hu obbligu morali ta’ kull Nisrani jaħseb fil-ġid tal-proxxmu: “hemm bżonn li nkomplu nagħmlu l-aħħar qadfa, nispera, neċessarja. Hemm bżonn min ikun ta’ qadi għall-proxxmu jieħu t-tilqima meta jiġi msejjaħ għaliha. Qed navża lill-fidili Nsara u ngħidilhom li hu obbligu morali tagħhom, obbligu gravi, li wieħed jagħmel dak kollu neċessarju biex ikun jista’ jgħaddi minn din il-marda qalila, jevitha, u ma jgħaddihiex lil ħaddieħor. Hemm bżonn li aħna naħslu saqajn xulxin din is-sena billi naċċettaw l-istedina li nieħdu t-titqiba. Min ma jeħodhiex mhux qed jagħmel biss ta’ rasu, imma qed jipperikola lilu nnifsu u lil ħaddieħor. Dan mhuwiex l-ispirtu ta’ Ġesù”. 

Mons. Arċisqof irringrazzja lill-awtoritajiet tas-saħħa u l-frontliners talli matul l-aħħar sena, “b’sagrifiċċju personali u enormi ħaslu saqajn il-proxxmu billi għamlu d-dover tagħhom”.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Arċisqof wassal kelma ta’ kuraġġ lill-Insara li qed isegwu ċ-ċelebrazzjonijiet tat-Tridu tal-Għid mid-dar: “Lil min qed isegwini permezz tax-xandir ngħidlu biex ma jaqtax qalbu, biex isemma’ leħnu b’rispett u b’qawwa, imma fl-istess ħin, li fid-djar tagħna, aħna nixxenqu tassew għall-Ewkaristija, li waqqaf illum, il-Mulej Ġesù. Il-Mulej Ġesù hu kapaċi jagħtina l-grazzja, b’mod speċjali f’sitwazzjonijiet fejn ma nistgħux nersqu fiżikament lejh, imma għażel dan is-sagrament qaddis biex aħna fit-tqarbin imqaddes inkunu tassew ħaġa waħda miegħu”.

Share With: