Il-MPE Alex Agius Saliba talab lill-Kummissjoni tiżgura li Malta jkollha aċċess għal mediċini affordabbli

Il-MPE Alex Agius Saliba qed jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-Istati Membri ż-żgħar, bħal Malta, u ċ-ċittadini tagħhom, ikollhom aċċess għal prodotti farmaċewtiċi affordabbli, speċjalment matul il-pandemija tal-COVID. 

B’mistoqsija urġenti lill-Kummissjoni Ewropea u ittra mill-Parlament Ewropew, il-MPE Laburista Alex Agius Saliba ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-provvista ta’ mediċina affordabbli madwar l-Unjoni Ewropea tkun ġenwinament ipprovduta lill-Istati Membri kollha u liċ-ċittadini tagħhom, inkluża Malta.

Il-MPE Agius Saliba qal li r-regoli attwali tal-Unjoni Ewropea joħolqu diskriminazzjoni inġusta kontra l-Istati Membri b’sistemi tas-saħħa u swieq farmaċewtiċi iżgħar, bħal Malta. Huwa żied li fil-qagħda attwali, id-deċiżjoni li prodott jitqiegħed b’mod effettiv fis-swieq tal-Istati Membri hija bbażata biss fuq l-interessi kummerċjali u ekonomiċi tal-kumpaniji farmaċewtiċi.

“F’ħafna każijiet, dawn il-kumpaniji privati m’għandhom l-ebda interess jew inċentivi biex iqiegħdu prodott mediċinali fis-suq ta’ Stati Membri żgħar, bħal Malta. Din is-sitwazzjoni toħloq aċċess diffiċli għall-mediċini bi prezzijiet raġonevoli għall-pazjenti Maltin, prezzijiet ogħla għall-prodotti farmaċewtiċi, u spiss anke l-irtirar ta’ prodotti partikolari” qal il-MPE.

Huwa kompla jispjega li għal dawn ir-raġunijiet, Malta baqgħet dipendenti ħafna fuq il-provvista tal-mediċini li ġejja jew tgħaddi mill-Gran Brittanja. Huwa żied jgħid li sfortunatament, bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, Malta u l-Istati Membri f’sitwazzjoni simili se jiffaċċjaw problema immedjata ta’ aċċess u nuqqas ta’ prodotti farmaċewtiċi u mediċinali. 

“Il-pazjenti Maltin m’għandhomx jiġu mċaħħda minn prodotti mediċinali speċjalment f’nofs kriżi tas-saħħa u tal-pandemija. Jekk prodott ikun awtorizzat fis-Suq Uniku, dan għandu jkun disponibbli fl-Istati Membri kollha u ċ-ċittadini Maltin ma għandhomx jiġu mċaħħda jew miċħuda l-aċċess għall-prodotti mediċinali. Huwa għalhekk li tlabt lill-Kummissjoni Ewropea biex tintervjeni u tiżgura li l-interessi pubbliċi jiġu mħarsa, u li l-aċċess għall-mediċini ma jkunx jiddependi purament mill-interessi ekonomiċi,” spjega Agius Saliba.

Il-MPE Alex Agius Saliba temm jgħid li kulħadd għandu jkollu d-dritt għal aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa ta’ kwalità tajba, bi prezz raġonevoli, preventiva, u kurattiva, pero’ sforunatament dan mhux garantit illum fl-Unjoni Ewropea.

Share With: