Il-Moviment Grafitti jilqa’ r-riforma proposta dwar l-użu tal-kannabis

Il-Moviment Graffitti jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riforma proposta dwar il-kannabis ippreżentata  fil-Parlament mill-Prim Ministru Robert Abela, u ddeskriviha bħala “żvilupp pożittiv” fil-ġlieda għal aktar libertajiet ċivili itjeb.
Fi stqarrija, il-grupp irrefera għall-bidla fil-mentalità fejn il-liġi llum il-ġurnata m’għadhiex tqis lil min juża l-kannabis bħala kriminal, imma minflok qed tagħti iktar importanza lir-regolarizzazzjoni tal-kannabis għall-kultivazzjoni u l-konsum personali.
Barra minn hekk, ir-riforma se tagħti lill-konsumaturi d-dritt li jikkultivaw sa erba’ pjanti. “Din hija miżura pożittiva li se tippermetti lil indvidwi biex ikabbru l-kannabis b’mod ħieles mingħajr ma jiddependu fuq intrapriżi privati, b’hekk tkun qed tipproteġi s-suq mill-kummerċjalizzazzjoni eċċessiva tiegħu.”
Din il-miżura se tkun ukoll qed tħares lil dawk li jużaw il-kannabis mis-suq kriminali, billi dawk li jinfurzaw il-liġi se jkunu qed jitħallew jiffokaw fuq traffikar ta’ drogi fuq skala kbira u fuq organizzazzjonijiet involuti fil-bejgħ ta’ sustanzi illegali minflok joqogħdu  jaqbdu ma’ dawk li jkollhom ammonti zgħar għall-użu personali”, qal il-grupp. “Il-bidliet proposti – speċjalment l-impenn tal-gvern biex isib sorsi legali għax-xiri taż-żerriegħa – se jkunu qed jiżguraw li persuni adulti jkunu jistgħu jużaw il-kannabis mingħajr ma jkollhom għalfejn jirrikorru għal sorsi potenzjalment kriminali”.
Il-Moviment Graffitti jinnota madanakollu, li ma saret ebda referenza għal persuni li bħalissa qegħdin il-ħabs minħabba l-kultivazzjoni ta’ ammonti żgħar ta’ kannabis li se jkunu kompletament legali b’din ir-riforma. Fil-kuntest tas-sitwazzjoni atroċi li hemm il-ħabs bħalissa mhux biss minħabba n-numru kbir ta’ ħabsin li hemm imma wkoll minħabba l-ġestjoni estrema tal-Kurunell Alex Dalli, il-grupp isejjaħ għall-ħelsien ta’ dawn il-priġunieri, li huma vittmi tad-dewmien li kien hemm biex isiru dawn ir-riformi.
Il-grupp sejjaħ ukoll għall-ħolqien ta’ programm soċjali, li jara li dawk li ġew milquta b’mod negattv mill-istrutturi legali tal-passat, ikunu mgħejjuna, permezz ta’ skemi edukattivi, ta’ stħarriġ u impjieg, biex ikunu jistgħu jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.
Ir-riforma tal-kannabis kienet waħda mill-ewwel battalji fl-istorja tal-Moviment Graffitti, li wkoll kienu l-ko-awturi, flimkien ma Releaf, ta’ manifest dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis. “Għal ħafna żmien, il-Moviment Graffitti kien l-unika vuċi favur il-legalizzazzjoni tal-kannabis f’Malta, u nieħdu gost naraw li numru ta’ proposti f’dan il-manifest se jkunu inkorporati f’din il-liġi proposta”.
Il-Moviment Graffitti jixtieq jibgħat l-awgurju tiegħu lill-għaqda Releaf, li taħdem favur il-legalizzazzjoni tal-kannabis, għax kienu l-isforzi tagħha li wasslu biex din ir-riforma tista’ ssir. “Din hija prova oħra li l-pressjoni tas-soċjetà ċivili u taċ-ċittadini tista’ ġġib bidla pożittiva”, żied jgħid il-grupp.

Share With: