Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri jindirizza l-40 Laqgħa Ġenerali Annwali tas-CPMR

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kien wieħed mill-kelliema ewlenin li indirizzaw l-40 Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi, is-CPMR, li ttellgħet din il-ġimgħa.

Din is-sena dan l-avveniment internazzjonali, li sar b’mod virtwali, tratta fost l-oħrajn it-tisħiħ tal-ħajja marittima, il-protezzjoni tal-bijodiversità, u anke il-futur tat-turiżmu fi gżejjer fl-Unjoni Ewropea, fosthom Għawdex.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri tenna l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex li jkompli jaħdem id f’id mas-CPMR u flimkien ikunu vuċi b’saħħitha għall-gżejjer u reġjuni fuq livell Ewropew. Il-ministru saħaq li, “L-ibħra tagħna huma riżorsa kruċjali għal mijiet ta’ nies li l-għajxien tagħhom jiddependi fuqhom, u għalhekk Malta u Għawdex qed jiżguraw li jkun hemm sostenibbiltà fis-settur tas-sajd.”

Fil-preżenza virtwali ta’ bosta ministri u rappreżentanti oħra minn gżejjer Ewropej, il-Ministru għal Għawdex qal li Malta hija komessa li twaqqaf kull prattika illegali f’dan il-qasam u għalhekk investiet bis-sħiħ biex ikun hemm il-kontrolli fuq kull tip ta’ sajd. Hawnhekk huwa tenna kif il-gżejjer għandhom jikkunsidraw prattiċi tas-sajd sostenibbli li jħallu impatt pożittiv fuq l-ekonomiji tal-gżejjer.

Il-Ministru Camilleri semma wkoll kif is-settur tas-sajd irid isib l-għajnuna diretta tal-gvernijiet u nnota kif il-Gvern Malti ma waqafx jgħin u jsostni dan is-settur, partikolarment f’Għawdex. Huwa rrefera għax-xogħlijiet ta’ riġenerar u tisħiħ li saru għall-ġid tas-sajjieda fil-portijiet ta’ Marsalforn, tax-Xlendi u anke tal-Imġarr.

Ma naqasx li l-ministru jsemmi kif tul din il-pandemija is-settur tas-sajd ħa daqqa kbira, partikolarment minħabba bosta restrizzjonijiet fosthom l-għeluq tar-ristoranti. Għalhekk, temm billi appella biex, “ma niqfux issa milli nagħtu s-sapport lil din l-industrija ferm kruċjali u b’hekk flimkien katina waħda nkunu mbagħad nistgħu negħlbu u nindirizzaw dawn l-isfidi.”

Share With: