Il-Ministru Evarist Bartolo f’laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Ewropa u l-Affarijiet Barranin Franċiż, Jean-Yves Le Drian

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Ewropa u l-Affarijiet Barranin Franċiż Jean-Yves Le Drian, li bħalissa qed jagħmel żjara uffiċjali f’pajjiżna.

Matul it-taħdidiet, il-ministri trattaw diversi temi fosthom l-istabilità fil-Mediterran, is-sitwazzjoni fil-Libja, u l-isfidi varji li jirriżultaw mill-migrazzjoni irregolari.

Fi stqarrija wara l-laqgħa bilaterali, il-Ministru Evarist Bartolo rringrazzja lill-Gvern Franċiż għas-sostenn fir-rilokazzjoni tal-migranti irregolari li waslu f’Malta. Il-ministru spjega li Franza ħadet madwar terz tal-immigranti irregolari kollha li ġew rilokati minn Malta lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea matul is-snin.

F’dan il-kuntest, il-ministru appella għal aktar solidarjetà mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, u awgura li n-negozjati fuq il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil jirriżultaw f’soluzzjonijiet dejjiema u mhux rimedji ad hoc li jwieġbu biss għal sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Huwa rringrazzja ukoll lill-Gwardja tal-Kosta Libjana li minkejja r-riżorsi limitati tagħha, kienet strumentali biex twaqqfu eluf ta’ migranti milli jaqsmu fuq vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa. Hawnhekk, l-Ministru Bartolo appella għal aktar sostenn mill-Unjoni Ewropea u għal aktar investiment fir-riżorsi li jipproteġu l-fruntiera tan-nofsinhar tal-Ewropa. Huwa saħaq dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tpoġġi bilqiegħda mal-Gvern Libjan biex tara kif l-aħjar li tgħin lil-Libja fuq il-fruntieri tagħha fuq l-art u l-baħar biex tiġi mrażżna l-immigrazzjoni irregolari.

Lil hinn mill-isforzi tar-rilokazzjoni, il-Ministru Bartolo qal li għandha tiżdied ukoll il-koperazzjoni Ewropea għar-ritorn tal-migranti irregolari li ma jikkwalifikawx għall-asil. Dan filwaqt li għandhom jissaħħu l-isforzi biex jinbnew ekonomiji reżiljenti fil-pajjiżi tal-oriġini, fejn il-popolazzjoni se tkompli tiżdied u allura jeħtieġ illi ġenerazzjonijiet futuri jkollhom futur f’pajjiżhom stess u mhux ikollhom jaħarbu u jipperikolaw ħajjithom fil-proċess.

F’dan ir-rigward, il-Ministru Evarist Bartolo semma ukoll it-taħdidiet li għaddejjin dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni, bil-għan li fost oħrajn, joffri taħriġ lil uffiċjali li jaħdmu fuq il-fruntieri.

Dwar il-Libja, il-Ministru Bartolo tenna li Malta se tkompli taħdem flimkien mal-imsieħba internazzjonali tagħha favur l-istabilità u l-paċi fil-Libja, u biex il-ħtiġijiet taċ-ċittadini Libjani, li ilhom tant ibatu, jiġu indirizzati. Huwa tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti għall-proċess tranżitorju u ġedded l-impenn ta’ Malta favur Libja magħquda f’idejn il-Libjani.

Share With: