Il-kuntrast f’Malta bejn it-tislima lill-Prinċep Filippu u Manwel Dimech

Minn Victor Vella

Ilbieraħ spikka l-kuntrast. Kuntrast li forsi ħafna ma tawx kasu. Imma kuntrast li jweġġgħek. Jekk ini Malti, jekk tgħożż il-prinċipji umani, li kulħad hu indaqs, li temmen fid-diversità, li ħadd mhu inferjuri, allura ma tistax ma tħossx dieqa. Dan hekk kif kellna min ħass li kellu jagħmel sparatura biex isellem lil Prinċep Filippu imma imbagħad fl-istess jum li fih kien jimmarka l-għeluq il-mitt sena mill-mewt Manwel Dimech fl-eżilju, tista’ tgħid ma saru ebda attivitajiet.

Wieħed irid jirrimarka, li f’nofs il-ġimgħa, il-Parlament Malti għadda liġi li permezz tagħha għandha tissolva in-nuqqas ta’ rappreżentanza femminili fil-Parlament. Fl-aħħar snin ukoll għaddew għadd ta’ li liġijiet li taw drittijiet ċivili. Dan imma ma jfissirx li ma fadalx ħafna xi jsir biex il-mara verament tkun ugwali.

Din hi ġlieda li f’pajjiżna bdiha Manwel Dimech. Kienet il-ġliefa favur l-ugwaljanza, għall-edukazzjoni tal-mara, favur l-irwol attiv tal-mara fis-socjetà. Fi kliem Dimech stess  ‘l-mara trid tgħix daqs ir-raġel u l-ħlas ikun ta’ kulħadd xorta waħda”. Kliem li inkiteb fil-Bandiera tal-Maltin fis-sena 1911. Quddiem dan ma tistax ma tħossx għafsa ta’ qalb kif lil dan il-personaġġ hawn min qiegħed jinsieh.

Share With: