Il-kumpanija Techniplast eżempju ta’ pjan ta’ riġenerazzjoni li jżomm in-negozju ħaj

Il-Ministru Miriam Dalli tħeġġeġ lin-negzoji sabiex jagħmlu użu mill-għajnuna tal-Malta Enterprise biex jirkupraw wara l-pandemija

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ħeġġet lill-intrapriżi u negozji Maltin u Għawdxin biex jużaw skemi tal-Malta Enterprise fil-pjan ta’ rkupru tagħhom f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

Waqt żjara f’kumpanija tal-familja, Techniplast Ltd, il-Ministru Dalli spjegat li l-Malta Enterprise se ssaħħaħ l-għajnuna għar-riġenerazzoni meħtieġa tan-negozji hekk kif tħares ‘il quddiem biex joħorġu mill-pandemija aktar b’saħħithom.

Fost l-għajnuna li tagħti Malta Enteprise hemm ir-Re-engineering and Transformation Scheme, l-Iskills Development Scheme, u numru ta’ miżuri oħra ta’ appoġġ. 

Ir-Re-engineering and Transformation Scheme tagħti lin-negozji għajnuna f’forma ta’ għotja biex tkopri parti mill-ispejjeż tal-konsulenti mqabbda biex ifasslu t-tibdil meħtieġ ħalli kumpanija tipprepara ruħha għall-futur. Flimkien mal-ministeru, Malta Enterprise għaddejja b’eżerċizzju biex tara kif din l-inċentiva tista’ tkompli tissaħħaħ u tilħaq l-ikbar ammont ta’ negozji possibbli.

Bħala parti minn din il-ħidma, il-Ministru Miriam Dalli żaret il-fabbrika Techniplast fiż-żona industrjali ta’ Kordin. Techniplast fetħet fis-snin 70 u topera fl-injection u blow moulding fejn tipproduċi komponenti għal setturi differenti, inkluż tal-elettronika, dak mediku u tal-kostruzzjoni.

“Jekk hemm xi ħaġa li l-pandemija tal-COVID urietna biċ-ċert hija l-importanza tas-supply chaindomestika. Waqt li globalment kien hawn nuqqas ta’ hand sanitisers, Techniplast sabet l-opportunità biex timla dak il-vojt u tipproduċi l-fliexken għall-hand sanitisers. B’hekk, Techniplast saret ħolqa kruċjali fil-katina ta’ produzzjoni lokali”, il-Ministru Dalli.

Spjegat ukoll li l-ministeru għaddej b’ħidma mal-entitajiet differenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha biex jaraw kif kumpanija differenti jistgħu jiġu mgħejuna jżidu l-effiċjenza tagħhom bħall-energy audit u energy efficieny scheme, kemm fl-operat kif ukoll fil-produzzjoni.

“L-istorja ta’ Techniplast isservi ta’ eżempju għal ħaddieħor. It-triq mhix faċli imma ħafna kumpaniji Maltin oħra bħala Techniplast għandhom id-determinazzjoni u l-ħeġġa li jqajmu l-kumpaniji tagħhom fuq saqajhom, biex ikunu b’saħħithom aktar minn qabel”, qalet il-ministru.

Id-Direttur Maniġerjali Alan Cocks spjega l-proċess ta’ tibdil li Techniplast għaddejja minnu. “Bħalissa għaddejjin minn proċess ta’ ristrutturar bil-għan li nżidu l-produttività u nnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni. Qed naraw kif ninvestu fil-ħiliet tal-ħaddiema kif ukoll f’makkinarju modern li jikkonsma anqas enerġija. Għaddejjin ukoll bi pjan ieħor sabiex nippjanaw ir-riżorsi umani aħjar, inżidu l-firxa ta’ klijenti u nippenetraw swieq u klijenti ġodda, anke ‘l barra minn xtutna.” 

Is-Sur Cocks stqarr li dan il-proċess qed ikun iffaċilitat bl-għajnuna kontinwa ta’ Malta Enterprise. “Qed insibu lil Malta Enterprise ta’ appoġġ anke biex inħabbtu magħhom l-ideat tagħna u joffrulna gwida, inkluż kif nadattaw l-assistenza varja li joffru, skont il miri tal-investimenti tagħna”, huwa kkonkluda.

Share With: