Il-koperazzjoni dwar kriminalità organizzata u finanzjarja diskussi fi żjara tal-Ministru Bartolo fil-Bahrain

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo, flimkien ma’ delegazzjoni Maltija, illum temm żjara uffiċjali fil-Bahrain.

Matul din iż-żjara, il-Ministru Bartolo mexxa delegazzjoni f’laqgħat mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Bahrain Abdullatif bin Rashid Al Zayani, kif ukoll mal-Ministru għall-Industrija, Kummerċ u Turiżmu Zayed bin Rashid Alzayani. Huma tkellmu dwar ir-rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali bejn Malta u l-Bahrain. Iż-żewġ naħat tkellmu fuq il-koperazzjoni dwar kriminalità organizzata, ħasil ta’ flus, u dwar l-iffinanzjar tat-terroriżmu. 

Fost suġġetti oħra, ġew diskussi diversi temi bilaterali, fosthom ir-relazzjoni bejn il-Bahrain u l-Unjoni Ewropea, fuq il-bżonn li jifhmu iżjed lil xulxin, u biex jaħdmu flimkien għall-ġid komuni.  

Ġew diskussi wkoll l-iżviluppi fil-Palestina u d-drittijiet tal-poplu Palestinjan. F’dan ir-rigward, Malta tenniet il-qbil tagħha mar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti biex l-Iżrael u l-Palestina jkunu rikonoxxuti bħala żewġ stati sovrani. Huma tkellmu wkoll fuq l-aħħar żvilluppi fuq il-ftehim tal-armi nukleari mal-Iran fejn saħqu fuq l-importanza tad-djalogu sabiex tiġi kkalmata is-sitwazzjoni għal ġid komuni fir-reġjun tal-Golf. 

Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll temi ta’ koperazzjoni fis-setturi tal-edukazzjoni, turiżmu u s-sigurtà tal-ikel. 

Il-Ministru Bartolo saħaq li ż-żewġ pajjiżi għandhom x’jibbenefikaw minn kollaborazzjoni ma’ xulxin għall-ġid tal-popli tagħhom. 

Share With: