Il-Koħħu jikkonferma li hu jibża’ ħafna mill-aħwa Degiorgio

Illum Vince Muscat il-Koħħu mistenni jsirlu l-kontroeżami fil-każ kontra l-aħwa Alfred u George Degiorgio, magħrufin bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż.

L-aħwa huma akkużati li qiegħdu l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Magħhom kien hemm akkużat ukoll Vince Muscat il-Koħħu, iżda fit-23 ta’ Frar hu ngħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs wara li wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih fil-qtil ta’ Caruana Galizia. 

Mistoqsi dwar Melvin Theuma

Il-Koħħu mistoqsi dwar Theuma qal li dan tal-aħħar kien jinżel ħafna drabi fit-Tinda tal-Patata u li wara ċertu żmien, “x’aktarx ġimgħat”, inxtraw il-mowbajls biex jevita li jkollu joqgħod imur kull darba.

Mistoqsi mill-Avukat William dwar ir-raġuni għalfejn ix-xhud kontinwament isemmi l-elezzjoni, ix-xhud jgħid li meta wassal lil Alfred il-Busy Bee kienu tkellmu fuq prezz, iżda kellha tgħaddi l-elezzjoni biex jipproċedu.

Cuschieri ma jikkuntentax b’din it-tweġiba u jerġa’ jinsisti għal tweġiba aħjar. Ix-xhud jgħid li hu kien jistrieħ fuq dak li kien jgħidlu Alfred bla ma joqgħod jagħmel ħafna domandi.

Mistoqsi dwar il-komplott tal-2015

Mistoqsi dwar kif waslu għall-prezz skont il-ftehim, Muscat jgħid li l-akkużati kienu qablu li l-ħlas ikun €150,000 li jinqasmu bejn tlieta.

L-avukat jistaqsi dwar l-ispejjeż u min kellu joħroġhom. Muscat jgħid li George kien se jieħu ħsieb u li kien staqsih jekk kellux jitlob ħlas addizzjonali li jkopri dawn l-ispejjeż bħalma kienet l-istess bomba li ntużat fil-qtil.

Il-Koħħu jispjega dwar meta fl-2015 bdew jgħassu r-residenza tal-vittma u li riedu depożitu biex jekk jibdel fehemtu ma jispiċċawx b’xejn.

Ix-xhud jagħmilha ċara li hu qatt ma kien preżenti fid-diskussjonijiet bejn Theuma u l-aħwa Degiorgio. Jgħid li lil Alfred wasslu xi ħames darbiet il-Busy Bee u rigward min kien ordna l-qtil dan kien jgħidlu li lanqas hu stess ma kien jaf.

Pjan biex Alfred Degiorgio joqtol lil Galizia billi jisparalha

Mistoqsi jafx juża arma, ix-xhud iwieġeb li ma tridx xi għerf biex tuża grillu, iżda li dik it-tip ta’ arma li kellha tintuża ma kienx jaf jużaha.

Rigward l-involviment tiegħu fil-qtil, ix-xhud jgħid li mar ma’ Alfred Degiorgio u urieh fejn kienet toqgħod il-vttma, iżda l-avukat jippersisti li ma jaħsibx li hu kien se jieħu l-flus talli jżommilhom kumpanija.

Mistoqsi dwar id-diskursati li kien ikollhom, Muscat jgħid li kienu jitkellmu fuq sparar u li dak iż-żmien kellhom armi inkluż l-AK47.

Ix-xhud jiċħad li kellu jkun hu li jispara lil Daphne u jgħid li kien hemm nies oħra involuti f’dan il-pjan.

Il-Koħħu jikkonferma li hu kien  qal lil Alfred biex ma jċedux u li jibqgħu jippruvaw biex isibu l-okkażjoni  minn xi mkien ieħor għax wara dik l-għassa kollha ried jiħallas.

Minkejja li x-xhud jgħid li Alfred kien staqsih jekk kellhomx jgħidu lil Chris Cardona biex jgħinhom, jgħid li hu qatt ma kellem lill-eks Ministru fuq il-qtil ta’ Daphne.

L-armi

Il-Koħħu jfakkar ukoll li hu għandu għajn waħda, għalhekk ma kienx ikun jista’ jispara sewwa.

Jirrakkonta kif darba kienu bilqiegħda u Theuma ċempel lil Alfred u dan qallu li qed jissikkah u li kien qiegħed jibża’ li se jwaqqafhom.

Mistoqsi jekk kellux iċ-ċwievet tal-garaxx li gih kien hemm l-armi, jgħid li dawn ingħatawlu biss ftit drabi meta kien mar waħdu fil-post.

Is-suġġett jaqa’ fuq l-armi li ngħataw. Il-Koħħu jinsisti li xi armi minnhom kienu msaddin u li kienu jidhru li ma kinux tajbin. Ix-xhud jiċħad li hu ġieli ġab l-armi mingħand xi ħadd mill-Imġarr.

Rigward l-arma t-tajba, il-Koħħu jikkonferma li din kienu pruvawha għand xi ħadd f’Ħaż-Żebbuġ.

Dwar il-karozza misruqa tal-għamla Vitz, il-Koħħu jgħid li kienu serquha hu u ieħor li llum huwa mejjet.

Rigward l-isplussiv, il-Koħħu jgħid li uża l-plural “bombi” għax kien jaf li kellhom jiġu provduti bi tliet bombi bħala ġelatina.

L-avukat Cuchieri jidher li mhux jaċċetta l-verżjoni tax-xhud u jgħidlu “Fejn trid għandek memorja preċiża u fejn trid hija msaħħba!”

L-avukat jirreferi għal parti mix-xhieda preċedenti meta l-akkużati kienu segwew lill-vittma lejn il-Phoenicia u x-xhud jgħid li mhux ċert jekk kinitx għandhom il-bomba dakinhar. L-avukat ifakkru li dakinhar kien qal kienu lesti jeħilsu minn żewġha u t-tfal ukoll. Ix-xhud jiċħad u jgħid li kienet darba oħra u li kellhom kollox lest f’Santa Venera.

Il-Koħħu jgħid li ma setax imerihom li kieku għażlu li joqtluhom kollha u jżid li għalkemm ilu jafhom snin twal, u jibża’ ħafna minnhom.

Is-seduta li jmiss se ssir l-Erbgħa li ġej fid-9.30am. 

Share With: