Il-ħelsien mill-pandemija

Tikteb il-Ministru Miriam Dalli

Għat-tieni sena konsekuttiva qed niċċelebraw Ħadd il-Għid fil-kwiet ta’ djarna, mingħajr l-attivitajiet tradizzjonali marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa u l-festa ta’ Kristu Rxoxt. Nitkellmu dwar nomalita ġdida, bit-tama li għada jkun aħjar mil-lum. Imma biex għada jkun aħjar mil-llum, irridu nsegwu l-istruzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Fuq kollox, irridu nkunu responsabbli biżżejjed li naċċettaw is-sagrifiċċju li rridu nagħmlu biex nasslu għal dik il-ġurnata li ttina lura dawk l-attivitajiet li tant konna drajna bihom.

Il-kapitli li jimmarkaw l-istorja Maltija juru poplu kuraġġuż, poplu li dejjem qam fuq saqajh biex jiddefendi lill-gżira tiegħu. Poplu li għal ħafna snin ħadem biex ikun minn ta’ quddiem f’oqsma differenti. Pajjiż li jaf li l-interess nazzjonali huwa dak ta’ żvilupp ekonomiku daqskemm hu l-avvanz soċjali. Li l-prosperita ma tkunx tiddependi biss mill-figuri li jagħmlu l-prodott gross domestiku, iżda tfisser ukoll kwalita ta’ ħajja aħjar.

Dan ifisser drittijiet soċjali, protezzjoni ambjentali, sistema ta’ saħħa b’saħħitha, edukazzjoni b’saħħitha għal kulħadd. Tfisser li l-istudenti jistgħu jagħmlu l-eżamijiet, anke jekk hemm min ma jiflaħx iħallas għalihom. Tfisser, il-ġlieda kontinwa kontra l-faqar.

Forsi l-virus tal-COVID-19 ma jibqax pandemija, imma jsir virus, bħal l-influwenza, li nibdew ngħixu bih. Li neħilsu minn din il-pandemija hija x-xewqa ta’ kulħadd: it-tfal iridu jmorru lura l-iskola; iż-żgħażagħ u l-ħbieb iridu jiddevertu; il-familji jridu jiltaqgħu. Għalhekk, illum kulħadd qiegħed jittama għal dik il-ġurnata li fiha dan kollu jkun passat.

Iżda ma nistgħux ninsew dak kollu li tgħallimna f’dawn ix-xhur. Kien l-għaqal li qed jgħinna nirkbu dak li mhux magħruf. Huma d-deċiżjonijiet iebsa – iżda neċessarji – li qed jissalvagwardjaw il-ħajjiet u l-postijiet tax-xogħol. Minkejja l-problemi l-ġodda li ħadd ma seta jbassar bil-pandemija, xorta waħda dan il-Gvern żamm ir-ruħ soċjali. Fost oħrajn, permezz ta’ għajnuna diretta lil min ibgħati minn cystic fibrosis u r-riforma fil-liġi tal-kirjiet ta’ qabel l-1995.

Id-drittijiet ċivili, il-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza huma l-valuri li jsawwru lill-Partit Laburita. Daqstant ieħor huwa l-impenn li f’pajjiżna nkomplu nsaħħu l-istituzzjonijiet li jaħdmu f’indipendenza sħiħa. Kif ġustament qal il-Prim Ministru Robert Abela fid-diskors tiegħu f’Jum il-Ħelsien: “Il-ħelsien huwa s-serħan il-moħħ ta’ istituzzjonijiet li jaħdmu f’indipendenza sħiħa. Xi ħaġa li mhux biss nemmnuha jew li nitkellmu dwarha. Iżda, li għamilna riformi kbar biex titwettaq.”

Il-Prim Ministru Robert Abela kien ċar fid-diskors tiegħu. Meta neħilsu mill-imxija, l-Ewropa u d-Dinja se jsibu Malta armata bl-ideat u l-pjanijiet biex inkomplu mexjin ‘il quddiem. Illum, kull settur tas-soċjeta jaf li Partit Laburista fil-Gvern ma jfarfax minn fuq spallejh il-problemi maħluqa minn affarijiet esterni bħalma hi l-pandemija. Ma jdurx fuq il-poplu u jgħidlu ġorr il-piż.

Għall-kuntrarju, dan il-Gvern ra kif għamel, u qed ikompli jagħmel, biex ikun ta’ spalla għall-familji, żgħażagħ, negożji, ħaddiema u anzjani.

Qed nagħmlu dan, u se nkomplu nagħmlu dan, b’sens ta’ rispett, u sens ta’ għaqda. 

Share With: