“Il-ħaddiema rrikonoxxew il-ħidma proattiva tal-GWU waqt il-pandemija”

Jgħid dan Theo Vella wara li 91.67% tal-ħaddiema ta’ G4S li jagħtu servizz lill-MIA għażlu lill-GWU biex tirrapreżentahom

Minn Maria Azzopardi

“Naħseb li r-riżultat li ksibna issa huwa prova ta’ kemm il-ħaddiema huma sensittivi f’sitwazzjonijiet nazzjonali u kemm tassew irrikonoxxew il-ħidma proattiva tal-GWU waqt il-pandemija.”

Hekk iddikjara ma’ dan is-sit is-Segretarju tat-Taqsima GWU Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi Theo Vella. Dan hekk kif wara votazzjoni, li kienet miftuħa għal 12-il siegħa, 91.67% tal-ħaddiema tal-kumpanija G4S li jagħtu servizz lill-MIA għażlu lill-General Workers’ Union (GWU) biex tirrapreżentahom.

Vella qal: “Fil-G4S diġà għandna rikonoxximent pero kien hemm post partikolari, il-ħaddiema tal-Aviation Securities u xi gradi oħra stazzjonati l-MIA li kienu qed jiġu rappreżentati minn trejdunjin oħra. Dawn kienu diversi xhur jilmentaw u jesprimu n-nuqqas ta’ sodisfazzjon minn dik it-trejdunjin li kienet qed tirrappreżentahom u ġew bil-bosta bil-formuli ta’ membri ġodda u riżenji minn dik it-trejdunjin. Issomettejna d-dokument li għandna l-maġġoranza skont il-liġi. Tlabna lill-kumpanija biex tirrikonoxxina bħala Union mentri t-trejdunjin l-oħra baqgħet issostni li għad għandhom il-maġġoranza. Minn dan kollu għadda xahar u kellu jsir il-proċess fejn in-nies jivvutaw.”

Żied jgħid: “Grazzi għall-kooperazzjoni li sibna mingħand l-MIA saret il-votazzjoni li kienet miftuħa għal 12-il siegħa. Il-GWU ġabet aktar minn 91% mentri t-trejdunjin l-oħra ġabet 5% u 3.33% mill-voti kienu invalidi. Aħna konna kunfidenti li r-riżultat kien se jkun wieħed tajjeb pero kien iktar milli stennejna u dan juri li l-messsaġġ huwa wieħed ċar. It-turn out ma kienx wieħed baxx tant li minn dawk il-ħaddiema li kienu eliġibbli, ħarġu jivvutaw 82% minnhom. Aħna m’għamilna l-ebda pressjoni fuq il-ħaddiema iżda l-unika azzjoni li għamilna kienet li ħeġġiġna lin-nies biex jivvutaw biex b’dak il-mod ikunu jistgħu jesprimu ruħhom.”

Fl-isfond li l-ajruporti b’mod globali ntlaqtu bi kbir minħabba l-pandemija tal-Covid-19, Vella rrikonoxxa li kienet proprju l-għajnuna f’waqtha tal-Gvern permezz tal-Wage Supplement li l-impjieg tagħhom ġie salvat. Qal li kieku ma kinitx l-għajnuna tal-Gvern madwar tliet kwarti tal-ħaddiema kienu jitilfu l-impjieg.

Fl-istess waqt huwa qal: “Nemmen li ħafna mill-ħaddiema apprezzaw il-mod ta’ kif aħna bħala GWU ħdimna matul il-pandemija. Kien hemm rabja għal mod kif it-trejdunjin l-oħra ħadmet matul il-pandemija mentri indunaw kemm il-GWU ħadmet b’mod proattiv. Ħadna pożizzjonijiet iebsin u f’xi waqtiet ikkritikajna, imma qatt m’għamilna dan b’intenzjonijiet ħżiena. Bħala GWU nirrikonoxxu li l-weġgħa tal-ħaddiem trid tinstema’ u  konna favur il-flessibiltà, fost affarijiet oħra, u n-nies apprezzaw l-approċċ li ħadna. Naħseb li r-riżultat li ksibna issa huwa prova ta’ kemm il-ħaddiema huma sensittivi f’sitwazzjonijiet nazzjonali.”

Żied jgħid: “M’għamilna ebda wegħda partikolari għax aħna responsabbli. Wegħdna żgur li nassiguraw li l-weggħat ta’ dawn il-ħaddiema se nwassluhom lill-management b’mod regolari u li nżommu l-kuntatt flimkien biex nagħtu l-kontribut tagħna biex insibu l-aħjar soluzzjonijiet.”

Vella qal li din hija lezzjoni għal kwalunkwe trejdunjin li f’ċirkostanzi fejn il-pajjiż ikun għaddej minn diffikultà, ir-responsabiltà tat-trejdunjin tikber. 

Fakkar ukoll li matul il-pandemija, il-ħidma tal-GWU ma waqfitx tant li saħansitra ħadmu fuq il-ftehim kollettiv tal-armata b’valur ta’ €8.2 miljun

Share With: