Il-Gvern jgħati €1.5 miljun lill-YMCA

Għat-tieni darba l-YMCA se tkun qed tibbenefika minn frott ta’ ħidma u kollaborazzjoni flimkien mal-Gvern. Dan hekk kif ilbieraħ il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Familja Michael Falzon iffirma ftehim għall-għajnuna finanzjarja lill-YMCA liema ftehim ilaħħaq il-€1.5 miljun mifruxa fuq tliet snin.

Waqt l-iffirmar, il-Ministru Falzon qal li fil-qasam soċjali kollha kemm aħna nistgħu ngħinu biex nagħmlu d-differenza għall-aħjar fis-soċjetà tagħna. Qal li bil-ftehim li qed jagħmlu mhux biss qed ikomplu fejn ħallew imma qed iżidu mal-ftehim li kellhom qabel fejn il-ftehim ta’ qabel kien potenzjalment jitkellem fuq miljun ewro fis-sena. Il-Ministru Falzon qal li issa qed nitkellmu fuq kważi 50 sodda u li qed naraw li minn dar waħda issa se nkunu qed nimxu għal tnejn.

Il-Kap Eżekuttiv tal-YMCA, Anthony Camilleri, qal li r-residenti tagħhom, li ħafna minnhom huma familji u individwi flimkien ma’ tfal li huma bla saqaf fuq rashom, se jkunu qed jibbenefikaw minn dan il-kuntratt. Qal li dan huwa gvern li jisma u jagħti solidarjetà lil dawk li jkunu għaddejjin minn problemi fil-ħajja tagħhom.

Share With: