Il-Gvern jgħaddi l-binja tal-klabb tal-futbol lill-Kirkop FC

Il-binja tal-klabb tal-futbol ta’ Kirkop FC issa ġiet trasferita lill-istess klabb mill-Gvern permezz ta’ ftehim bejn SportMalta u Kirkop FC. L-iffirmar tal-ftehim kien presedut mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Volontarjat Clifton Grima.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif il-priorità ta’ dan il-Gvern hu li anke t-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. L-isports hu l-akbar għodda f’dan ir-rigward. Qalet ukoll li l-fatt li f’raħal żgħir bħalma huwa Ħal Kirkop issib daqstant volontiera biex imexxu b’dedikazzjoni diversi għaqdiet, fosthom il-klabb tal-futbol, jimlik bil-kuraġġ, “u huwa dmirna bħalha Gvern li tali dedikazzjoni ninkoraġġuha. Hekk qegħdin nagħmlu permezz tal-iffirmar tal-kuntratt li permezz tiegħu art li fuqha hemm il-grawnd tal-futbol u l-klabb tal-futbol ta’ dan ir-raħal, tkun trasferita lill-klabb.”

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li tinsab konvinta li dan se jkattar l-impenn u d-dedikazzjoni tad-diriġenti tal-klabb b’risq il-qasam sportiv fir-raħal. “Li sports m’għandnix inħarsu lejh biss mil-lenti ta’ passatemp, fejn tmur tqatta’ ftit ħin tipprattika dak li tħobb. Li sports minnu nnifsu jnissel sens ta’ dixxiplina f’dawk li jipparteċipaw fih, anke jekk b’mod indirett. Is-sempliċiment fatt li trid iżżomm il-ħin tat-taħriġ, li tikkonċentra, li tipprattika dixxiplina sportiva bħalma huwa l-futbol b’mod kollettiv huma strumentali fl-iżvilupp tal-karattru ta’ individwu. Dak li japplika għall-qasam sportiv japplika għal kull qasam tal-ħajja,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Hija awgurat lil Kirkop FC kull suċċess fl-aspirazzjonijiet tiegħu, “suċċess rifless diġà f’dak li qiegħed joffri lill-komunità tar-raħal, partikolarment lit-tfal u ż-żgħażagħ Koppin.”

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega kif permezz ta’ dan it-trasferiment Kirkop FC se jkollhom dar denja fejn jistgħu jħarrġu lill-atleti tagħhom. Hu kompla jgħid li l-impenn tal-gvern hu li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu. Huwa stqarr li dan il-gvern irid irawwem u jsaħħaħ il-kultura sportiva sa mill-etajiet bikrin.

“Bħala gvern, konxji li biex nagħmlu dan irridu ninvestu fil-faċilitajiet sportivi u fl-għaqdiet infushom, u dak huwa li qed nagħmlu llum. Aħna nemmnu li rridu nagħtu l-faċilitajiet u l-għajnuna sabiex il-klabbs sportivi jkunu jistgħu jkomplu jikbru u jtejbu s-servizzi tagħhom. Wara kollox, huma uliedna li jgawdu minn dan kollu. Dan il-gvern huwa impenjat biex jinvesti sabiex flimkien nagħmlu l-qabża ta’ kwalità li jmiss. Irridu li kull dixxiplina sportiva tingħata l-opportunità li tiffjorixxi,” sostna s-Segretarju Parlamentari.

Iċ-Chairman ta’ SportMalta, Luciano Bussuttil saħaq “li temmen fl-isport ifisser li temmen fl-assoċjazzjonijiet, klabbs u fuq kollox temmen fl-atleti u l-isportivi infushom. Dan il-ftehim, l-aħħar wieħed f’kullana ta’ konċessjonijiet simili, imma żgur mhux l-aħħar wieħed, huwa turija bil-fatti li SportMalta u fuq kollox il-Gvern permezz tas-Segeretarju Parlamentari Clifton Grima, nemmnu fl-isport lokali. SportMalta hija kommessa li tkun fuq quddiem nett li tibqa’ taħdem ma’ klabbs u assoċjazzjonijiet u tagħtihom aktar riżorsi sabiex jikbru u jkabbru l-isport.”

Il-President tal-Klabb ta’ Kirkop FC Joseph Farrugia saħaq li wara ħafna snin, il-ħolma ta’ dan l-klabb se ssir realtà. Huwa qal li dan il-ftehim se jkun avvanz għall-klabb ta’ Kirkop FC għax permezz tiegħu se jkunu jistgħu jestendu ħidmiethom għal aktar ġid fil-komunità.

Share With: