Il-Gvern b’għajnuna ta’ €796,500 lil Caritas Malta

Il-Gvern se jkun qed jalloka s-somma ta’ €796,500 fuq medda ta’ tliet snin lil Caritas Malta. 

Waqt l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali u Solidarjetà, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li l-impenn tagħhom huwa li jgħinu u jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies, speċjalment dawk li għandhom bżonn direzzjoni u jibdlu l-istil ta’ ħajja tagħhom. Spjega li tul dawn l-aħħar snin kienu ta’ għajnuna mhux biss għall-individwi biex joħorġu minn ħajja diffiċli, iżda anke għall-għaqdiet u organizzazzjonijiet non-Governattivi biex ikomplu jwettqu ħidma fil-komunità.

Il-Ministru Falzon qal: “Il-ftehim li ssiġillajna se jara li l-Gvern u l-FSWS attivament involuti fi programmi residenzjali għal persuni bi problemi ta’ dipendenza ta’ sustanzi. Aktar minn hekk se nipprovdu ‘after care programmes’ għall-klijenti tagħna, biex nagħtu aktar ċans lil dawn il-persuni jgħixu ħajja indipendenti.”

Caritas Malta se tkun qed tmexxi dan il-programm, bl-isem ta’ Charles Miceli, persuna li tant ħadmet fil-qasam tal-vulnerabbli u l-mobilità soċjali. Programm mifrux fuq xhur u anke snin għal dawk il-persuni li temmew b’suċċess programmi ta’ rijabilitazzjoni u filwaqt li jibqgħu jingħataw għajnuna bio-psikosoċjali, u interventi fit-tul anke kontra l-biża ta’ ‘relapse’.

Il-Caritas se joffru s-servizz ta’ disa’ soddod f’Dar Charles Miceli, fil-Mosta u 2,600 siegħa ta’ terapija individwali u fi gruppi.

Il-Ministru Falzon fakkar li ġimgħa ilu ffirmaw ftehim mal-YMCA, liema ftehim ilaħħaq il-miljun ewro. Qal kif f’sena, il-Ministeru jalloka ‘l fuq minn €10 miljun biex jiffinanzja dawn l-organizzazzjonijiet u dan kollu huwa xhieda ta’ kemm il-Gvern tassew jinteressah minn kulħadd u li huwa Gvern tan-nies għan-nies.

Share With: