Il-‘ġenerożità’ tal-Astra Zeneca (1) … l-attakki fuq it-tilqim storikament huma ‘politiċi’

Minn Victor Vella

Ninsabu fi żmien iddominati minn kontroversji kbar marbutin mat-tilqima kontra l-Covid19 b’mod partikolari l-Astra Zeneca.  Kontroversji li qed iseħħu proprju 66 sena wara li t-tilqima kontra l-polio kienet ġiet dikjarata bħala li hi ‘effettiva’, ‘sigura’ u ‘potenti’. Dakinhar ukoll inqala’ kjass.  Per eżempju fil-Ġermanja tal-Lvant għamlu programm sistematiku ta’ tilqim, imma l-Ġemanja tal-Punent m’għamluhx. Ir-riżultat kien il-polio bdiet tonqos fil-Ġermanja tal-Lvant u tiżdied fil-Ġermanja tal-Punent.

Irridu ngħidu li l-polemiċi marbutin mat-tilqim kienu minn dejjem. B’mod storiku, it-tilqim dejjem kien suġġett politiku u li dejjem ħoloq kontroversji u dibattiti. Anki 150 sena ilu meta inħoloq it-tilqim kontra ‘smallpox’, inħolqu kontroversji kbar. Dan għax fit-tilqim jiltaqgħu flimkien is-soċjetà, l-Istat u l-ġisem tal-persuna umana. 

Ħarsa storika lejn kontroversji ‘politiċi’ fit-tilqim

Biex nifhmu dak li qed jiġri llum tajjeb li nmorru lura fiż-żmien. Għax kif jgħidu l-istorja tirrepeti ruħha. Kważi 150 sena ilu, eżattament fis-sena 1874, l-Ewropa intlaqtet minn epidemija ta’ l-‘smallpox’.  Tlett persuni minn kull għaxra kienu jmutu.  F’dak li kienet il-Prussja mietu  għaxriet ta’ eluf ta’ nies.  Saret tilqima u inħarġet liġi ta’ tilqim obbligatorja. Immedjatament faqqas moviment imsejjaħ “Lebensreform’. Dawn kienu kontra it-tilqima. Kienu jemmnu li l-‘smallpox’ tfejjaqha  b’dieta speċjali jew billi toqgħod fix-xemx.

Irid jingħad li l-movimenti kontra t-tilqim fil-Ġermanja kienu faqqsu qisu sitt snin qabel fi Stuttgart. Dawn il-movimenti ġibdu lejhom eluf kbar ta’ nies. Kienu jqisu it-tilqima bħala ‘għodda tax-xitan’. L-argumenti dejjem kienu li għandek xi ħaġa artifiċjali, xi ħaġa kimika li qed tinjettaha fil-ġisem.

L-anti semitiżmu… parti mill-kampanja kontra it-tilqim

Storikament ukoll, l-anti semitiżmu jidħol perfettament mal-oppożizzjoni kontra it-tilqim. Din hi xejra li wieħed jaraha ukoll.  Dan għax dawk li jopponu t-tilqim idaħħlu l-argument li konfoffi marbutin ma’ min qed imexxi kampanji ta’ tilqim. Per eżempju, waħda minn dawn il-konfoffi li baqgħet tiġi ripetuta minn żmien għal żmien hi dik li t-tilqim hi parti minn konfoffa Lhudija intenzjonata biex tagħmel ħsara lil xi poplu jew sezzjoni partikolari. Dawn it-teoriji, qed nerġgħu ukoll narawhom illum. Fi gruppi faxxisti, neo Nażi, u tal-lemin estrem spiss qed jużaw l-argument li wara l-kumpaniji farmaċewtiċi hemm il-Lhud.

Issa polemika differenti… mis-sninta’ qabel

Illum ukoll qed ngħixu polemika u kontroversji marbutin mat-tilqim kontra l-Covid19.  Polemika li rajniha tiżviluppa b’mod partikolari. Xhur ilu l-kampanji kienu kontra t-tilqim b’mod inġenerali. Kien hemm kritika li ma jafdawx il-proċessi, l-argument anti semitiku, u anke l-allegazzjonijiet li t-testijiet qed isiru b’mod mgħaġġel.

Prattikament sa hawn kollox kien bħal ma ġara qabel. Din id-darba iżda ma kellekx tilqima waħda qed tiġi żviluppata. Minn madwar id-dinja kien hawn diversi għaddejjin b’testijiet. Kellek kumpaniji kbar famaċewtiċi għaddejjin b’riċerka, kellek l-iniżjatttiva ta’ Oxford Astra Zeneca b’kunċett differenti li jagħmlu ‘tilqima għad-dinja’ u ‘bla profitt’. Ma dawn imbagħad kellek pajjiżi  bħar-Russja u ċ-Ċina li ukoll bdew jaħdmu u żviluppaw tilqima, xi ħaġa li l-punent kien suspettuż dwarha.

Hekk kif beda riesaq iż-żmien li t-tilqim imorru għall-fażi finali ta’ testijiet, bdejna naraw il-kampanja negattiva kontra l-Oxford Astra Zeneca.  Il-kampanja negattiva kontinwa, wasslet biex uħud minn interessati li jieħdu it-tilqim kontra l-Covid19, jibdew jiddubitaw mill-Astra Zeneca u jibdew jippreferu li jieħdu xi waħda mit-tilqimiet l-oħrajn. Hawnhekk qam il-moviment tal-għażla fit-tilqima. Wieħed ma jridx jinsa li l-għażla fit-tilqima tfisser ukoll għażla bejn tilqima manifatturata b’mod kummerċjali li se tiġġenera biljuni ta’ dollari u l-oħra Astra Zeneca maħduma fuq bażi ta’ bla profitt.

L-ewwel kontroversji inħolqu meta ftit xhur wara li faqqgħet il-pandemija bdew ħerġin rapporti li t-tilqim kien qed jiġi ittestjat u li fi żmien mhux il-bogħod kellhom jibdew it-testijiet. Fis-sajf tas-sena li għaddiet bdejna nisimgħu li sa l-aħħar tas-sena kellu jkollna l-approvazzjoni ta’ xi tilqim. Dan wassal biex inħolqu movimenti sħaħ kontra t-tilqim fejn dawn bdew jargumentaw li l-proċess kien mgħaġġel. Ovvjament għal dan kellek l-argument b’saħħtu tal-awtoritajiet kompetenti li ma kienn hemm ebda kompromess fuq is-sigurtà tat-tilqim u li biex tilqima tiġi hemm testijiet rigorużi.

Kien proprju f’Jannar meta fil-Ġermanja, pajjiż li hu meqjus bħala xettiku mmens fejn jidħol it-tilqim, kien hemm ġurnal li bi storja fil-faċċata qal li t-tilqima tal-Astra Zeneca kienet 8 fil-mija effettiva fost l-anzjani.  Ftit sigħat biss wara, il-President Franċiż, Macron iddeskriva it-tilqima tal-Astra Zeneca bħala li mhix effettiva fost persuni ta’ 65 sena u aktar. Kemm il-Ġermanja u kemm Franza dakinhar irrifjutaw li jużaw dik it-tilqima fost persuni ta’ 65 sena ‘l fuq, għalkemm wara bidlu il-pożizzjoni.  Dan iżda kellu effett fuq sezzjoni tal-poplu li issa ma jridx jieħu din it-tilqima partikolari.  

Il-kontroversja fi Franza wasslet biex it-tobba ikkritikaw lill-President Macron u imbagħad aktar tard hu għamel bidla u qal li kien lest li jeħodha, waqt li l-Prim Ministru Franċiż Jean Castex mar fuq it-televiżjoni u ttaqqab bl-Astra Zeneca quddiem kulħadd. 

Kontroversji fuq l-Astra Zeneca anki meta bdiet tingħata

It-tilqim li sa issa ġie żviluppat, llum hu meqjus bħala waħda mill-għodod l-aktar importanti kontra din il-pandemija.   Mit-tilqim li ġie żviluppat sa issa, dik tal-Astra Zeneca kienet l-aktar tilqima li ħolqot kontroversji. Kwistjonijiet li bdew mill-bidu u li komplew matul il-proċess. Minkejja l-effettività tat-tilqima, il-kontroversji dwarha komplew anke meta bdiet tingħata u bdew jinħarġu rapporti li kien hemm xi persuni li żviluppaw ‘blood clots’.   U x’seħħ fi żmien meta l-Ewropa qed tiffaċċja it-tielet mewġa?  Diversi pajjiżi issospendew it-tilqim għal ċertu kategoriji ta’ nies, li prattikament ifisser li l-programm ta’ tilqim se jittawwal. Ifisser f’termini sempliċi li qed jintilef żmien prezzjuż biex ċittadini Ewropej ikunu protetti. 

Għaliex dawn il-kontroversji kontra din it-tilqima? Ir-raġunijiet huma politiċi u mhux xjentifiċi

M’hemm ebda dubju li waħda mir-raġunijiet prinċipali għaliex dan l-attakki fuq din it-tilqima hu proprju marbut mal-prezz tagħha. Dan għax sa mill-bidu, waħda mill-kundizzjonijiet li saret minn Oxford kienet li tilqima tkun fuq ‘non profit basis’ għall-inqas għall-ewwel sena. Mhux hekk biss, imma kundizzjoni oħra marbuta ma’ din it-tilqima hi dik li jkun hemm provvista ta’ tilqim għal pajjiżi sotto żviluppati, xi ħaġa importanti ħafna biex tiġi miġġielda din il-pandemija.

Għandek ukoll ir-raġuni politika li din it-tilqima qisha hi kampjun tar-Renju Unit, pajjiż li kien għadu kif ħareġ mill-Unjoni Ewropea, imma li irnexxielu jnaqqas proċess burokratiku u joħroġ b’tilqima kontra l-pandemija.

Ovvjament, hemm il-falliment Ewropew ta’ kif tratta l-pandemija fejn l-Unjoni Ewropea kienet dejjem tard. M’hemmx dubju li l-kampanja kontra Oxford Astra Zeneca, għenet biex l-attenzjoni timxi minn fuq il-falliment Ewropew għal fuq il-kwistjonijiet marbutin ma’ din it-tilqima u b’hekk jingħata nifs lill-istess pajjiżi Ewropej sakemm iħaffu il-proċess. Quddiem dak li seħħ, faċilment setgħu iġibu l-iskuża li l-proċess ta’ tilqim mexa bil-mod għax it-tilqim bl-Astra Zeneca kien ġie sospiż.

L-Astra Zeneca hi differenti mit-tilqim l-ieħor

It-tilqima tal-Astra Zeneca, hi differenti mt-tilqim l-ieħor tat-tip mRNA bħal Pfizer u Moderna.  Id-DNA Code  tagħha hu ħafna aktar reżiljenti  meta mqabbel ma’ dak tat-tilqim l-ieħor.  Dan iwassal għal diversi vantaġġi fuq it-tilqim l-ieħor,  fosthom dak li t-tilqima m’għandhiex bżonn tinżamm iffriżata waqt li tkun maħżuna. Apparti dan it-tilqima tal-Astra Zeneca iżżomm għal xhur sħaħ f’temperaturi regolari ta’ refriġerazzjoni.     Minnunfih dan joħloq vantaġġ kbir biex it-tilqima tkun imqassma aktar malajr u tasal f’żoni remoti madwar id-dinja. Apparti dan, vantaġġ kbir ieħor ta’ din it-tilqima hu l-prezz baxx biex tkun żviluppata.

Vantaġġ ieħor ta’ din it-tilqima hu l-fatt li jrid ikun hemm spazju ta’ 12-il ġimgħa bejn l-ewwel u t-tieni doża u dan jagħti ċans biex f’dan il-perjodu jitlaqqmu ħafna nies u għalhekk ikollhom  xi tip ta’ protezzjoni kontra l-virus. 

‘Mistennija biljuni fi dħul għal kumpaniji farmaċewtiċi….l-Astra Zeneca ‘bla profitt’ għall-ewwel sena

M’hemm ebda dubju li l-fatt li din it-tilqima ġiet żviluppata fuq il-bażi li tiġi pprovduta fuq bażi bla profitt, flimkien mal-vantaġġ li tilħaq żoni remoti, allegatament setgħet wasslet għal attakki politiċi fuqha. Filfatt minn informazzjoni li kienet inħarġet fuq kemm jiswa dan it-tilqim naraw li l-Astra Zeneca hi l-irħas waħda b’€1.78 kull doża. Il-Johnsonn & Johnson tiswa  $8.50 kull doza, il-Pfizer €12 kull doża u l-Moderna $18 kull doża. Matul din is-sena it-tilqima tal-kumpanija Pfizer hi mistennija li ddaħħal $15-il biljun u dik tal-Moderna $18-il biljun. 

Ikompli

Share With: