Il-Covid-19 jilħaq l-ogħla quċċata

Minn tal-inqas xabbatur wieħed fuq il-Muntanja Everest ittestja pożittiv għall-virus Covid-19 u dan ftit tal-ġimgħat biss wara li din iż-żona fin-Nepal reġgħet infetħet għax-xabbaturi wara sena magħluqa minħabba l-pandemija.

Ix-xabbatur Norveġiż Erlend Ness spiċċa iżolat għal tmint ijiem ġewwa l-isptar filwaqt li rapporti kienu qed jgħidu li xi xabbaturi oħrajn fil-grupp tiegħu wkoll ittestjaw pożittivi għall-virus. Din l-aħbar hija daqqa ta’ ħarta kbira għan-Nepal li jiddependi ħafna mid-dħul iġġenerat mill-espedizzjonijiet li jsiru fl-Everest.

Ness, meta tkellem mal-midja, qal li huwa mhux ċert eżatt fejn laqqat dan il-virus iżda qiegħed jissuspetta li dan seħħ meta kien f’waħda mill-kmamar tat-te li hemm f’Khumbu Valley.

Ness ammetta li huwa seta’ għamel ħafna iktar biex jipproteġi lilu nnifsu waqt li kien qiegħed fl-espedizzjoni fosthom li jilbes il-maskla l-ġurnata kollha u li jaħsel idejh regolarment. Huwa rrakkonta kif seta’ jinnota li ftit kienu dawk in-nies li libsu l-maskla.

Ness temm jgħid li kien ilu ħossu ma jifħax għal sitt ijiem sħaħ qabel finalment kellu jiġi evakwat permezz ta’ ħelikopter.

Share With: