Il-Brażil b’aktar minn 4,000 imwiet kaġun tal-Covid-19 f’24 siegħa

Għall-ewwel darba l-Brażil irrapporta aktar minn 4,000 imwiet marbutin mal-Covid-19 f’24 siegħa, hekk kif varjant tal-virus aktar kontaġjuż qed iwassal għal żieda sinjifikanti fin-numru ta’ każi.

In-numru ta’ mwiet fil-pajjiż kaġun tal-pandemija issa jammonta għal kważi 337,000, b’dan in-numru jkun akbar biss fl-Istati Uniti.

Madankollu l-President Jair Bolsonari jkompli jopponi kwalunkwe miżura ta’ lockdown biex ikun jista’ jikkontrolla l-imxija.

Huwa għadu jisħaq li l-ħsara lill-ekonomija se jkun agħar mill-effetti tal-virus, u saħansitra permezz ta’ proċeduri fil-Qorti pprova jneħħi wħud mir-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet lokali.

Matul il-jum tal-bieraħ, waqt li kien qed jindirizza lil sostenituri tiegħu barra l-palazz presidenzjali, huwa kkritika l-miżuri ta’ kwarantina u qal li dawn huma konnessi ma’ każi ta’ obeżità u depressjoni u qed iwassalu għall-qgħad. Huwa naqas milli jikkummenta dwar l-4,195 imwiet reġistrati matul l-aħħar 24 siegħa.

Sal-lum il-ġurnata l-Brażil irreġistra aktar minn 13-il miljun każ ta’ coronavirus. Madwar 66,570 persuna mietu kaġun tal-virus matul ix-xahar ta’ Frar, aktar mid-doppju li kienu reġistrati fi Frar.

Share With: