Il-“Borderline Personality Disorder”

Minn Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Il-“Borderline Personality Disorder” hija kundizzjoni mentali li primarjament tikkonsisti minn diffikulta’ biex wieħed jimmaniġġja l-emozzjonijiet jew r-relazzjonijiet tiegħu, b’mod effettiv. Il-“Borderline Personality Disorder” tinvolvi wkoll il-presenza ta’ burdati instabbli, li jistgħu jkunu qosra u jafu anke jinbidlu fl-istess ġurnata. Kriterji dijagnostiċi oħra ta’ din il-kundizzjoni jinvolvu il-presenza ta’ rejazzjonijiet estremi, immaġini distorta tal-identita’ tal-persuna kkonċernata, imġieba impulsiva jew perikoluża, ħsibijiet ta’ suwiċidju, sentimenti kroniċi ta’ nuqqas ta’ tama jew dwejjaq, u kif wkoll, rabja mhux ġġustifikata.

Normalment, din il-kundizzjoni tibda matul l-adoloxxenza jew fil-bidu tal-età adulta. Kundizzjonijiet oħra, bħad-dipressjoni, l-ansjetà, abbużi minn sustanzi illegali jew alkoħolismu, jistgħu wkoll jeżistu flimkien mal-“Borderline Personality Disorder”. Għaldaqstant, tista’ tkun iktar diffiċli biex issir id-dijanjosi ta’ din il-kundizzjoni, fi stat bikri.

Diversi studji juru li l-“Borderline Personality Disorder” taffettwa madwar 5.9% tal-adulti f’xi żmien partikolari f’ħajjithom. In-nisa għandhom iktar tendenza li jbatu minn din il-kundizzjoni; madwar tliet darbiet aktar mill-irġiel. Ir-riċerka dwar il-fatturi li jistgħu jikkaġunaw il-“Borderline Personality Disorder” għadha fi stadju bikri. Madanakollu, x-xjentisti ġeneralment jaqblu li kemm l-influwenzi ġenetiċi u kif ukoll ċerti avvenimenti diffiċli li wieħed ikun ġarrab matul it-tfulija, bħal abbużi emozzjonali, fiżiċi jew sesswali, negliġenza, telfiet, kritika żejda jew “bullying”, jistgħu wkoll jkollhom irwol fl-iżvilupp ta’ din il-kundizzjoni.

Għalkemm mhux is-sintomi kollha jistgħu jittaffew, ir-riċerka turi ukoll li b’terapija speċjalizzata, nies li jbatu mill-“Borderline Personality Disorder” jistgħu jonqsulhom s-sintomi, u għaldaqstant, ħajjithom titjieb. Xi sintomi tal-“Borderline Personality Disorder” huma aktar faċli biex jiġu kkurati minn oħrajn. Fil-fatt, ir-riċerka turi li l-kura għall-“Borderline Personality Disorder” hija aktar effettiva biex titnaqqas ir-rabja, l-attentati ta’ suwiċidju, u kif ukoll biex ittejjeb l-imġieba, l-funzjoni ġenerali u l-aġġustamenti soċjali ta’ l-individwi li jbatu minn din il-kundizzjoni. Mill-banda l-oħra, is-sensazzjoni ta’ biżgħat li wieħed jista’ jispiċċa abbandunat, il-formazzjoni ta’ relazzjonijiet instabbli jew is-sentimenti ta’ vojtezza huma mitqisa l-iktar diffiċli biex jitfejjqu. 

L-iktar trattament riċerkat b’mod estensiv għall-“Borderline Personality Disorder” huwa t-terapija ta’ imġieba dijalettika (Dialeċtiċ Behavourial Therapy). Kemm id-“Dialeċtiċ Behavourial Therapy” u kif ukoll, forom oħra ta’ psikoterapija bħal “Cognitive Behavioral Therapy”, ġeneralment huma l-ewwel għażla ta’ trattament għal din il-kundizzjoni. Għalhekk huwa importanti wkoll li sabiex it-terapija tkun effettiva, l-pazjenti iħossuhom komdi u jafdaw lit-terapisti tagħhom, filwaqt li jattendu għall-sezzjonijiet regolari ta’ psikoterapija.

Taħt stress, xi sintomi jistgħu jerġgħu jfeġġu. Meta jiġri dan, wieħed għandu jirritorna għat-terapija jew għall-aktar appoġġ minn professjonisti kwalifikati fil-kura tas-saħħa mentali, bħall-psikjatri, psikoloġi, u kif wkoll, it-tobba tal-familja. Wieħed għandu jevita’ l-abbużi minn sustanzi illegali jew alkoħoliżmu, għax dan jista’ jagħmel l-imġieba agħar. Meta t-terapija ma tkunx biżżejjed, xi mediċini jistgħu jgħinu fit-trattament ta’ kundizzjonijiet oħra li spiss jakkumpanjaw il-“Borderline Personality Disorder”, bħad- depressjoni u l-ansjetà.

Share With: