Id-Dwana Belġjana b’qabda ta’ €1.2 biljun fi droga kokaina

Id-Dwana Belġjana qabdet tunellati ta’ droga kokaina f’Antwerp, bid-droga stmata li kienet ġġib valur ta’ madwar €1.2 biljun ladarba tinbiegħ.

Il-qabda tad-droga kienet possibbli wara li l-uffiċjali tal-pulizija rnexxielhom jiddeċifraw messaġġi mibgħutin minn gangs kriminali.

Il-Pulizija federali kienu ilhom għal dawn l-aħħar sentejn jinvestigaw il-kriminalità organizzata, bl-inkjesta kienet tinvolvi 500 miljun messaġġ mibgħut minn fuq tagħmir ta’ Sky ECC mibjugħin mill-kumpanija Kanadiża Sky global.

Mill-20 ta’ Frar li għadda b’kollox inqabdu mas-27.64 tunellati ta’ droga kokaina fil-port ta’ Antwerp, inkluż 11-il tunellata li nqabdu f’kontejner matul il-lejl ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda.

F’Marzu l-uffiċjal kap eżekuttiv u soċju ta’ Sky Global ġew mixlijin fl-Istati Uniti talli allegatament għenu fil-kuntrabandu tad-droga.

L-inkjesta wasslet biex ġew arrestati 48 persuna fil-Belġju, jinstabu numru ta’ armi ta’ nar u uniformijiet tal-pulizija, u jiġu sekwestrati €1.2 miljun.

B’rabta ma’ din l-inkjesta ġew arrestati wkoll persuni f’pajjiżi oħrajn, fosthom fi Franza.

Share With: