Ħarab lejn Malta wara li abbuża sesswalment 15-il tifel u tifla

Stephen Walker, eks uffiċjal tal-Pulizija Metropolitana u kowċ tal-futbol fir-Renju Unit, ġie arrestat u nstab ħati minn Qorti Ingliża li abbuża sesswalment 15-il tifel u tifla fuq perjodu ta’ 40 sena. 

Rapporti internazzjonali qalu li Walker, raġel ta’ 68 sena minn Surrey, kien ħarab lejn Malta fejn għex għal diversi xhur taħt isem b’ieħor.

Walker kien jaħdem bħala bejjiegħ, kien uffiċjali tal-Pulizija għal perjodu qasir u kowċ ta’ tim tal-futboll tat-tfal ġewwa Surrey u fin-nofsinhar ta’ Londra, fejn hemmhekk iltaqa’ ma’ uħud mill-vittmi tiegħu. Rapporti oħra jgħidu li l-iżgħar vittma tiegħu kellu biss sitt snin.

Minkejja li r-reati seħħew mill-aħħar tas-snin 60 sal-2007, huma ma kienx investigat qabel Marzu tal-2018 meta wieħed mill-vittmi resaq ‘il quddiem u tkellem.

L-investigaturi sabu li Walker kellu interess kbir fit-tfal, partikolarment fis-subien, minkejja li żewġ vittmi tiegħu kienu bniet.

Wara li ħarab lejn Malta, huwa rritorna lejn ir-Renju Unit fl-2019 u ġie arrestat fuq suspett ta’ reati sesswali fuq tfal. Jumejn wara huwa ġie akkużat u nżamm taħt arrest minħabba li kien qed jitqies bħala riskju serju għat-tfal u minħabba l-possibiltà li jaħrab mill-pajjiż kif kien għamel qabel.

Is-sentenza mistennija tingħata fl-24 ta’ Mejju u rapporti jgħidu li Walker jista’ jqatta’ l-bqija ta’ ħajtu fil-ħabs.

Share With: