“Għadni sal-lum il-ġurnata nħoss element ta’ tort għat-tkissir tal-ewwel żwieġ tiegħi” – David Thake

“Għaddejt minn separazzjoni 20 sena ilu u jien u l-eks mara għamilna l-almu biex kemm jista’ jkun l-effett fuq it-tfal ikuni minimu. Zero ma jkun qatt. Għadni sal-ġurnata tal-lum inħoss element qawwi ta’ ‘tort’ għar-rwol tiegħi għat-tkissir tal-ewwel żwieġ tiegħi. Meta tkun ġarrabt tifhem aktar id-diffikultajiet. Jien u l-eks mara irnexxielna nevitaw id-diżgwid. Din imma mhix ir-realtà ta’ kulħadd,” iddikjara d-Deputat Nazzjonalista David Thake fil-Parlament. Hu kien qed jitkellem dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar il-protezzjoni tal-minuri.

Tenna li llum hemm sitwazzjoni fejn tfal jispiċċaw jiġu mbiegħda minn ġenituri partikolari. “Illum s’issa l-qrati ma jirrikonoxxux li jeżisti l-fenomenu ta’ parental alienation. Din hi sitwazzjoni fejn xi waħda mill-partijiet iċċaħħad lil parti l-oħra mill-aċċess għat-tfal. Dan hu kastig permanenti għat-tfal. Din hi xi ħaġa li pajjiżna għandu jagħmel it-tibdiliet dwarha. 

Saħaq li “fl-aħħar jumejn, qattajt ftit żmien naqra proċeduri li għaddejjin fil-qorti bejn familji. Taqra u ġġib għajnejk wara widnejk. Tibda tistaqsi jekk dawn humiex adulti. Ikun hemm każijiet ivvintati bħal li mhux jitħallas il-manteniment u l-Pulizija faċli suppost tasal biex tara jekk dan hux veru jew le. Anki hawn, teżisti nuqqas ta’ kontinwità. Issib Pulizija li jinvestiga mod u ieħor mod ieħor. Meta nitkellmu fuq it-tfal, nemmen li hemm bżonn ħafna aktar preparazzjoni għall-awtoritajiet. Il-Qorti tal-Familja kważi tagħtik l-impressjoni fejn min jirbaħ jieħu kollox. B’dan qed insaħħu l-parental alienation. Il-qrati fl-opinjoni tiegħi ma jagħtux biżżejjed importanza li t-trobbija tkun bejn żewġ adulti fl-istess impotanza u mhux waħda fuq l-ieħor. Ċerti qrati għadhom jemmnu li jekk tfal imorru jorqdu mal-ġenitur l-ieħor fost il-ġimgħa hu kontra l-interess tat-tfal.”

Enfasizza li “hemm problemi serji ħafna ta’ rġiel li kellhom impjieg irendi biex imantni familja f’dar waħda imma f’daqqa waħda irid imantni żewġ familji. Naf b’missirijiet li m’għandhomx biex jgħixu jew waqgħu lura fil-pagamenti tal-manteniment”.

Share With: