Garanzija legali u l-garanzija kummerċjali. X’inhi d-differenza?

Minn Claire Micallef, Uffiċjal għall-Informazzjoni, Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur

Kull prodott li nixtru huwa protett bil-garanzija legali li toħroġ mill-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur. Skont din il-liġi, il-prodotti jridu jkunu ħielsa minn kull tip ta’ difett u għandhom ikunu skont id-deskrizzjoni li l-bejjiegħ ikun ipprovda qabel ix-xiri u għandhom ukoll ikunu tajbin għall-użu li jkun staqsa għalihom il-konsumatur. 

F’każ li l-prodott mixtri ma jkunx skont  dawn il-fatturi, jiġifieri ma jkunx kif deskritt jew ma jkunx jaħdem kif suppost, permezz tal-garanzija legali l-konsumaturi għandhom dritt jitolbu rimedju b’xejn. Ir-rimedji legali li wieħed hu intitolat għalihom huma tiswija, bdil jew inkella rifużjoni ta’ parti mill-flus jew rifużjoni sħiħa tal-flus imħallsa. Dan tal-aħħar ma japplikax jekk id-difett fl-oġġett ikun wieħed minuri.jew insinifikanti. 

Meta prodott jirriżulta difettuż jew mhux skont il-ftehim tax-xiri, il-bejjiegħ  għandu jingħata l-possibbiltà li l-ewwel jipprova jsewwi l-prodott, speċjalment jekk il-bdil tal-prodott jinvolvi spiża ikbar għall-bejjiegħ. Huwa però importanti li t-tiswija ma toħloqx inkonvenjenza kbira lill-konsumatur. 

F’każ li t-tiswija tkun ser toħloq inkonvenjenza sijnifikanti, il-konsumatur jista’ jirrifjuta t-tiswija u minflok jitlob il-bdil tal-prodott u jekk dan ma jkunx possibbli, l-flus lura. Il-bejjiegħ, f’sitwazzjonijiet hekk, jista’ jagħżel ukoll li joffri sostituzzjoni temporanja lix-xerrej sakemm il-prodott tiegħu jiġi msewwi. Importanti li wieħed ikun jaf li jekk ir-rimedju magħżul ikun dak ta’ bdil, il-garanzija legali oriġinali tibqa’ tgħodd u ma terġax tibda mil-bidu mal-prodott il-ġdid.

Il-garanzija legali tibqa’ valida sa sentejn minn meta l-konsumatur jieħu pussess tal-oġġett mixtri u tapplika b’mod awtomatiku. Għalhekk jekk prodott joħroġlu difett fl-ewwel sentejn, il-konsumatur għandu dritt jitlob rimedju adekwat. Jekk id-difett jitfaċċa fl-ewwel sitt xhur, skont il-liġi n-nuqqas li ħareġ jiġi kkunsidrat li ġa kien jeżisti meta nxtara l-prodott. Iżda, jekk il-bejjiegħ ma jkunx jaqbel ma’ dan, għandu d-dritt li jġib il-provi t’hekk. Mill-banda l-oħra, jekk id-difett joħroġ minħabba użu ħażin jew minħabba tkabir t’użu (wear and tear), il-konsumatur ma jkollux dritt jitlob rimedju bla ħlas mingħand il-bejjiegħ.  

Minbarra l-garanzija legali, il-bejjiegħ jista’ volontarjament jagħżel li jagħti wkoll garanzija kummerċjali mal-prodott mibjugħ. Il-bejjiegħ mhuwiex obbligat li jipprovdi din il-garanzija, iżda ladarba tingħata, din torbot lill-bejjiegħ legalment. Il-garanzija kummerċjali m’għandhiex tnaqqas id-drittijiet li l-konsumaturi jkollhom bil-garanzija legali u jekk din il-garanzija tkun ta’ perjodu inqas minn sentejn, il-garanzija legali xorta tibqa’ tgħodd għaż-żmien li jkun baqa’. Il-garanzija kummerċjali qiegħda hemm sabiex toffri iktar benefiċcji lill-konsumatur u sserraħlu iktar rasu li l-prodott hu ta’ kwalità tajba.

Minn barra li l-garanzija kummerċjali għandha tkun mitkuba bil-Malti jew bl-Ingliż u tkun tinkludi t-termini u kundizzjonijiet li wieħed irid isegwi, din għandha tinkludi wkoll id-dettalji tal-garanti, deskrizzjoni dettaljata tal-oġġett li qiegħed jiġi protett bit-tali garanzija, it-tul ta’ żmien li fih hu kopert il-prodott u kif il-konsumatur għandu jwassal l-ilment tiegħu f’każ li jinqala’ xi ħaġa. 

Meta l-garanzija kummerċjali tissemma’ waqt xi reklam, din xorta torbot avolja ma tkunx issemmiet meta jkun sar il-bejgħ attwali. F’każijiet hekk, iżda, il-konsumatur irid ikollu prova tal-garanzija riklamata. 

Kemm il-bejjiegħa, kif ukoll il-konsumaturi, għandhom diversi responsabbiltajiet xi jsewgu meta jiġi konkluż xiri. Minn naħa, l-bejjiegħa jridu jipprovdu l-prodott kif inhu reklamat u deskritt u min-naħa l-oħra, l-konsumaturi għandhom jaqraw, jifhmu u jistaqsu dwar il-kundizzjonijiet tax-xiri li jkunu marbuta mal-bejgħ tal-prodott. Huwa wkoll dmir tal-konsumaturi li qabel jiffirmaw xi karta jkunu jafu għalxiex qed jiffirmaw.

Il-konsumaturi huma wkoll responsabbli li jżommu kopja tal-prova tax-xiri minħabba li din tkun tinkludi d-dettalji kollha tax-xiri bħal meta u minn fejn inxtara l-prodott.  Meta bħala konsumaturi jkollna xi lment dwar il-prodott mixtri, għandna ċans xahrejn minn meta nindunaw bid-difett sabiex ninfurmaw lill-bejjiegħ. Meta ma naslux għal ftehim mal-bejjiegħ, wara inkunu nistgħu niftħu lment mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur. 

L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biss li jipprovdi informazzjoni u mhux li jagħti parir legali. F’każ ta’ ilment jew bżonn ta’ aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur  fuq il-freephone 8007 4400 jew in-numru tat-telefown 2395 2000.

Share With: