Fondi għar-riċerka kruċjali għall-iżvilupp ta’ prodott ġdid fil-qasam tal-kostruzzjoni

Bis-saħħa ta’ fondi mogħtija mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), kumpanija Maltija setgħet tara li jiġi żviluppat makkinarju li jimmanifattura ‘Glass Reinforced Polymer Composite Poles’, magħrufa fl-industrija bħala ‘GRP poles’, li huma itwal minn 16-il metru u li huma  prodotti li sal-lum għadhom ma jeżistux.

Issa dan ser ikun possibbli grazzi wkoll għall-ħidma konġunta li qed issir bejn il-Fakultà tal-Inġinerija fi ħdan l-Università ta’ Malta, din is-socjetà, u l-fondi mill-MCST. 

Waqt żjara fl-uffiċini tal-kumpanija Maltija Silvercraft Products Ltd, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara Covid-19 Owen Bonnici sostna li din il-kumpanija hija kburija li ħolqot prototip tal-prodott mixtieq u li kien anke ppruvat.    

“Issa jmiss li joptimizzaw il-manifattura tal-arblu biex jilħaq saħħa ulterjuri u finalment, ikun ikkumerċjalizzat fl-isfera internazzjonali”, qal il-Ministru Bonnici, filwaqt li awgura kull suċċess lil din il-kumpanija.

Dawn it-tip ta’ arbli jkunu jistgħu jifilħu ħafna tagħbija fuqhom.

Il-Ministru Bonnici qal li huwa pass tassew għaqli meta kumpanija Maltija bħal Silvercraft Products Ltd kontinwament temenda l-ħsieb u l-approċċ tagħha biex tkabbar il-kummerċ tagħha nnifisha u tkompli tpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali f’dik li hija innovazzjoni u riċerka.

Min-naħa tiegħu, Etienne Scerri, rappreżentant ta’ Silvercraft Products Ltd, spjega li l-kumpanija bdiet bħala waħda li tibni d-dgħajjes u llum hija waħda mill-kumpaniji ta’ manifattura fil-fibreglass ewlenin li taqdi l-industriji diversi, fosthom dik tal-kostruzzjoni.

Il-Professur Duncan Camilleri mill-Università ta’ Malta (Dipartiment tal-Inġinerija Mekkanika) faħħar il-kollaborazzjoni u l-għajnuna li ngħataw minn fondi tal-MCST fejn stqarr, li dan il-proġett seta’ jitwettaq permezz ta’ din l-għajnuna.

Uħud mill-prodotti tal-kumpanija jvarjaw kemm minn dawk li jolqtu l-għajnejn bħal ‘planters’, ‘custom desined shuttering’, panelli tal-faċċati, swimming pools u anke reception desks, għal prodotti oħra u anke dawk li forsi viżibilment ma ninnutawx, bħal reservoirs, ‘lift pit water proofing’, sistemi tat-trattament tal-ilma, u anke separaturi idrodinamiċi.

Dan ifisser li l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp huma parti integrali minn dan il-kummerċ maħluq tal-kumpanija msemmija.

Share With: