Fondi Ewropej biex inħarsu l-wirt storiku tagħna – Stefan Zrinzo Azzopardi

Jikteb Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ilkoll kemm aħna nistgħu ninnutaw l-ispinta kbira li ngħata l-ħarsien tal-wirt storiku u l-patrimonju kulturali tagħna f’dawn l-aħħar snin. Kien bis-saħħa ta’ investimenti ta’ miljuni ta’ Ewro ta’ Fondi Ewropej li flimkien ma’ fondi nazzjonali stajna nkabbru l-isforzi tagħna biex il-wirt li ħallewlna missierijietna, nippriżervawh, nirrestawrawh u nagħtuh lura lill-poplu Malti u Għawdxi biex igawdih.

Kien sforz kollettiv tal-Gvern ċentrali flimkien ma’ Kunsilli Lokali, organiżazzjonijiet privati u għaqdiet volontarji li bih saru xogħolijiet ta’ restawr u konservazzjoni tista’ tgħid f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex. Saru, u għadhom qed isiru, proġetti kbar fil-kapitali tagħna, l-Belt Valletta u oħrajn f’ħafna bliet u rħula fejn b’inizjattivi individwali f’diversi bliet u rħula qegħdin insaħħu l-prodott turistiku tagħna billi nżidu attrazzjonijiet li jkunu jistgħu iżurhom it-turisti meta jerġa’ jibda s-safar lejn Malta hekk kif tgħaddi l-pandemija.

Propju ftit ġranet biss ilu fil-Belt Valletta flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u l-kollega Ministru Jose Herrera, inawgurajna l-Valletta Design Cluster b’investiment ta’ €4.3 miljun f’binja li fl-imgħoddi kienet biċċerija. Minn post mitluq inbidel f’binja li qed tipprovdi spazju uniku bħala ċentru tal-kultural u l-kreattivita. It-trasformazzjoni ta’ din il-binja hija part żgħira biss minn proġetti kbar li wettaqna fil-pjan tagħna għar-riġenerazzjoni tan-naħa t’Isfel tal-Belt Valletta fejn fost xogħlijiet importanti oħra sar ir-restawr tal-Berġa tal-Baviera u r-restawr ta’ binjiet mitluq li nbidlu f’residenzi għall-Beltin.

Il-proġetti ffinanzjati minn Fondi Ewropej li ġew inawgurati jew li tnieda x-xogħol fuqhom f’din l-aħħar sena huma bosta. B’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Din l-Art Ħelwa, tlesta x-xogħol fuq ir-restawr tat-Torri l-Aħmar fil-Mellieħa, li issa sar attrazzjoni turistika ewlenija f’din in-naħa ta’ Malta. 

Ftit ġimgħat ilu wkoll żorna x-xogħlijiet ta’ restawr estensivi li għaddejjin fit-Torri tal-Arloġġ tal-Imtarfa. Din hija binja li toffri attrazzjoni turistika lil niċċa ta’ turisti li jħobbu jżuru attrazzjonijiet marbuta mal-istorija militari ta’ pajjiżna. 

Xoghlijiet importanti oħra ta’ restawr ta’ binjiet storiċi qed isiru wkoll f’Għawdex. Fl-aħħar ta’ Jannar li għadda inawgurajna r-restawr fuq il-Mitħna tat-Tmien Kantunieri fix-Xewkija li kompliet iżżid mal-kullana ta’ attrazzjonijiet turistiċi fil-gżira Għawdxija. Għaddej ġmielu wkoll ix-xogħol fuq ir-restawr tat-Torri tax-Xlendi li jgħodd madwar erba’ mitt sena.

Fondazzjonijiet Lokali, bħalma huma l-Gal Xlokk, il-Gal Majjistral u Gal Għawdex ukoll gawdew minn Fondi Ewropej biex il-Kunsilli u Għaqdiet rispettivi fi ħdanhom wettqu proġetti ta’ restawr f’diversi binjiet, niċċeċ, każini li wkoll għandhom valur storiku u kulturali.

Mingħajr l-iċken dubju, il-Knisja f’Malta għandha taħt il-ħarsien tagħha, wirt storiku kbir fil-mijiet ta’ Knejjes u binjiet oħra li fihom hemm miġbur patrimonju kulturali li jitħoqqlu l-akbar kura u ħarsien ħalli jkompli jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.

Kienet tassew inizjattiva f’waqtha dik li ħadet il-Fondazzjoni tal-Arċidjoċesi Maltija għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali li applikat u rnexxielha tikseb aktar minn €4 miljuni ta’ Fondi Ewropej biex twettaq diversi proġetti ta’ restawr u konservazzjoni fi Knejjes u anke xogħlijiet tal-arti. Fost dawk li inawgurajna fix-xhur li għaddew kien hemm dawk tal-Knisja ta’ Ħal-Balzan, ta’ Ħal-Tarxien u l-Bażilika minuri ta’ Raħal Ġdid, kif ukoll pittura antika ħafna fil-Knisja ta’ San Pawl ir-Rabat. Nidejna wkoll diversi proġetti ġodda li ser naraw ix-xogħol fuqhom jibda fix-xhur li ġejjin fosthom il-faċċata tal-Knejjes tal-Qrendi u Ħal-Kirkop, il-koppli tal-Knejjes ta’ Bormla u ż-Zurrieq, il-Kappella ta’ Santa Marija fiż-Żejtun u pittura fil-Knisja ta’ San Pawl, il-Belt Valletta.

Ma nistax ma nsemmix ukoll il-proġett importanti iffinanzjat minn Fondi Ewropej li qed isir mill-Fondazzjoni tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann fejn qed isir xogħol estensiv ta’ restawr fil-Mużew ta’ l-istess Kattidral bit-twaqqif ta’ dak li qed jissejjaħ bħala l-Caravaggio Centre flimkien mar-restawr tal-ispazji tal-Mużew fil-kripta tal-Kattidral. Huwa fatt magħruf li l-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann huwa wieħed mill-akbar attrazzjoni turistika tal-Gżejjer Maltin u għaldaqstant l-investiment b’Fondi Ewropej li qed isir f’dan il-post ħa jkompli jkabbar din l-attrazzjoni kemm għall-eluf kbar ta’ turisti li jżuruha kif ukoll għalina l-Maltin.

La qed insemmi l-Belt Valletta rrid nirreferi għax-xogħlijiet kbar ta’ restawr li qed isir fil-Palazz tal-Gran Mastri jew kif nafuh ilkoll, il-Palazz tal-President. Hawnhekk qegħdin jintefqu madwar €10 miljun f’Fondi Ewropej biex din il-ġawhra li ħallewlna l-Kavallieri ta’ Malta tkun restawrata u mill-ġdid issir attrazzjoni oħra mill-aktar importanti fil-kapitali tagħna.

Il-lista ta’ proġetti ta’ restawr u konservazzjoni li saru jew qegħdin isiru hija twila wisq u diffiċli wieħed isemmihom kollha f’dan l-ispazju. Li huwa ċert huwa li dawn il-miljuni ta’ Ewro ta’ Fondi Ewropej li qed jintefqu f’dan ix-xoghol huma flus investiti bl-aqwa mod biex il-wirt storiku u l-patrimonju kulturali tagħna inħarsuh bl-aqwa mod li nistgħu.

L-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.

Share With: