F’Malta proċess mexxej fit-tilqim… pajjiżi tal-UE jiġġieldu fuq id-dożi żejda tal-Pfizer

Waqt li l-programm ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna miexi b’ritmu tajjeb ħafna, pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea spiċċaw jissieltu bejniethom biex jaraw kemm se jieħdu mill-10 miljun doża żejda tal-vaċċin Pfizer.

Sal-bieraħ, f’Malta kienu ngħataw aktar minn 200,000 doża tal-vaċċin, b’iżjed minn 55,000 minnhom ikunu tat-tieni doża. Dan juri kif ir-rata ta’ tilqim f’Malta ras għal ras hija l-ogħla waħda fl-Unjoni Ewropea kollha.

Dawn ir-riżultati pożittivi kienu miksuba grazzi għall-ħidma għaqlija li saret mill-awtoritajiet Maltin fix-xiri tal-vaċċin biex ikun assigurat li jkollna biżżejjed dożi biex titlaqqam il-popolazzjoni kollha u anke iktar.

Min-naħa l-oħra, matul il-ġurnata tal-Ħamis, inqala’ battibekk bejn l-Istati Membri tal-UE dwar kif kellhom jinqasmu l-10 miljun doża żejda tal-Pfizer, bl-Awstrija, Slovenja u r-Repubblika Ċeka jirifjutaw li jgħinu ħames pajjiżi oħra. Aktar tard matul il-ġurnata, intlaħaq qbil biex jitqassmu kważi tliet miljun doża lil “dawk l-aktar fil-bżonn.”

Stqarrija mill-Presidenza Portugiża żżid tgħid li minkejja dan, l-Awstrija, Slovenja u r-Repubblika Ċeka kienu nsistew li jirċievu l-kwota sħiħa tagħhom ta’ vaċċini taħt is-sistema ġenerali ta’ tqassim skont il-popolazzjoni.

Grupp ta’ 19-il stat membru tal-UE, inkluż il-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja u anke Malta, iddeċidew li juru solidarjetà mal-Bulgarija, il-Kroazja, l-Estonja, il-Latvja u l-Islovakkja. Dawn l-aħħar ħames pajjiżi, meqjusa l-aktar fil-bżonn, issa se jiksbu l-kwota sħiħa tagħhom ta’ 2,854,654 doża. L-akbar grupp se jkollu 6.66 miljun vaċċin.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen insistiet li s-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea għadhom mexjin fit-triq biex jilħqu l-mira li jlaqqmu 70% tal-popolazzjoni adulta “sa tmiem is-sajf”.

Intant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qiegħda ssostni li l-proċess tat-tilqim fl-Unjoni Ewropea miexi wisq bil-mod u li l-istati membri qed jissograw li jtawlu l-perjodu tal-pandemija,

Skont stħarriġ ippubblikat 5.6 fil-mija tal-popolazzjoni biss għadhom ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin meta kkumparat mas-46 fil-mija ta’ dawk li ngħataw it-tilqima fl-Ingilterra.

Id-Direttur Reġjonali għall-Ewropa fi ħdan il-WHO, Hans Kluge qal li sakemm ir-rata ta’ tilqima tibqa’ baxxa jeħtieġ li napplikaw miżuri li jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika sabiex jikkumpensaw għal dan l-ittardjar fil-proċess.

Kludge wissa lill-gvernijiet ewropej dwar sens ta’ sigurtà li tista’ tqarraq fejn minkejja li fl-UE beda l-proċess tal-immunità, il-kontinent xorta jibqa’ t-tieni l-aktar wieħed milqut fid-dinja bħala rata ta’ infezzjonijiet u mwiet.

Il-WHO qalet li l-każi ġodda qegħdin jibqgħu jiżdiedu fl-etajiet kollha għajr dawk ’il fuq minn 80 sena u dan juri li t-tilqima qiegħda tħalli impatt pożittiv kontra din il-pandemija.

Skont l-Università ta’ Johns Hopkins s’issa fl-UE mietu aktar minn 600,000 persuna kawża tal-pandemija tal-Covid-19.

Share With: