Floretino Perez: Is-Super League Ewropew għadu ħaj u jinsab għal-lest

Is-Super League Ewropew (ESL) għadu ħaj jinsab “għal-lest” minkejja li disa‘ mit-12-il tim fundatur irtiraw, qal il-president ta’ Real Madrid Florentino Perez.

Wara reazzjoni furjuża kontra l-kampjonat propost li tħabbar nhar il-Ħadd, is-sitt klabbs tal-Premier League kollha involuti rtiraw nhar it-Tlieta.

Il-klabb Spanjol Atletico Madrid u dawk Taljani,  Milan u Inter, ukoll ħarġu formalment.

“Aħna se nkomplu naħdmu,” qal Perez. “Il-proġett jinsab għal-lest.”

Real Madrid, Barċellona u Juventus ma rtirawx, għalkemm iċ-chairman ta’ Juventus Andrea Agnelli qal li l-proġett issa ma jistax jipproċedi.

Il-president tas-Super League, Perez, saħaq li t-12-il klabb “għadhom ma telqux”.

“Ma tistax toħroġ mill-kuntratt bħal dan – huma kuntratti vinkolanti,” żied jgħid.

Meta mistoqsi x’se tkun il-penali talli ħallew il-proġett, Perez ma weġibx.

Perez tenna l-fehma tiegħu li l-ESL inħoloq “biex isalva l-futbol”, wara li qabel qal ukoll li l-mossa saret minħabba li ż-żgħażagħ “ma baqgħux interessati fil-futbol” minħabba “ħafna logħob ta’ kwalità fqira”.

Huwa żied li kien “imdejjaq u diżappuntat” bir-reazzjoni għall-proġett, li l-klabbs ilhom jaħdmu fuqu “għal madwar tliet snin”.

Huwa akkuża lill-president tal-UEFA, Aleksander Ceferin, u lill-awtoritajiet tal-futbol ta‘ diversi pajjiżi b’ “aggressjoni” u “theddid” lejn l-ESL.

“Forsi aħna ma spjegajniehx tajjeb, iżda huma wkoll ma tawniex opportunità biex nispjegawh,” qal il-president ta’ 74 sena.

“Ilni 20 sena fil-futbol u qatt ma rajt theddid bħal dan. Kien qisu qtilna lil xi ħadd. Kien qisu qtilna l-futbol. Imma konna qed nippruvaw naħdmu kif niffrankaw lill-futbol.”

Nhar it-Tnejn ġie miftiehem Champions League imġedded ta’ 36 tim, li jibda fl-2024, għalkemm it-timijiet tal-ESL kienu qalu fit-tħabbira tal-Ħadd li ma jaħsbux li r-riformi tal-UEFA kienu biżżejjed.

“Il-format taċ-Champions League huwa antikwat u interessanti biss mill-kwarti tal-finali ‘l quddiem,” qal Perez.

“Huwa ċar li dan il-format ma jaħdimx, allura ħsibna li jista‘ jkollna format fejn l-aktar timijiet importanti fl-Ewropa jilagħbu kontra xulxin mill-bidu nett tal-istaġun.

“Ħdimna n-numri u ħassejna li nistgħu nagħmlu ħafna iktar flus, aktar flus għat-timijiet l-oħra kollha wkoll.”

Perez iddikjara wkoll li wieħed mis-’sitta l-kbar‘ tal-futbol Ingliż – Arsenal, Chelsea, Liverpool, Manchester City, Manchester United u Tottenham – kienu ħerqana dwar l-ESL mill-bidu.

“Imbagħad  hemm xi ħadd fil-grupp Ingliż li ma kellux ħafna interess … iżda mhux se ngħid lil min,” huwa qal.

“Dak beda jinfetta lill-oħrajn, li huma wkoll nies ta‘ età avvanzata, u li forsi beżgħu għax ma fehmu xejn minn dak li kien qed jiġri.

“Aħna lkoll iffirmajna ftehim vinkolanti, imma naħseb li wieħed qatt ma kien konvint minnu.”

Share With: