Eritrean mixli li weġġa’ lill-eks sieħba

Eritrean ta’ 31 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li darab gravi lill-eks sieħba tiegħu. Il-każ seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda. Huwa kien mixli ukoll li darabha ħafif f’okkażjoni oħra, li heddidha u kiser il-paċi pubblika.

Fil-Qorti, huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest, bl-avukat tiegħu jargumenta li f’dan il-każ l-imputat kien il-vittma hekk kif fl-allegat argument, huwa safa migdum mill-mara.

Il-Prosekuzzjoni qalet li fil-fatt se jkunu qed jinħarġu wkoll akkużi fil-konfront tagħha. Min-naħa l-oħra oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat billi għad trid tixhed l-allegata vittma f’dawn il-proċeduri. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u ordna li jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. Waqt li ħeġġet lill-Prosekuzzjoni biex fis-seduta li jmiss issejjaħ lill-allegata vittma biex tixhed, il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fl-konfront tagħha. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Mario Caruana deher għall-Eritrean.

Share With: