“Egoiżmu mill-operaturi jista’ jwassal biex nerġgħu koppi fi ftit xhur” – Barbier

Barbier Rabti jappella biex jibqgħu jiġu mħarsa l-miżuri biex jinżamm kontroll fuq il-pandemija

Miktub minn Brian Gatt

Wara numru ta’ ġimgħat magħluqin, mit-Tnejn li għadda reġgħet bdiet tfeġġ il-ħajja fl-istabbilimenti li jipprovdu servizzi hekk meqjusa bħala mhux essenzjali. In-numru ta’ każi attivi kien baqa’ tiela’ u saħansitra qabeż it-3,000. Fl-10 ta’ Marzu kienu ġew reġistrati aktar minn 500 każ ġdid f’jum wieħed biss u dakinhar f’konferenza tal-aħbarijiet kienu tħabbru xi miżuri li wasslu biex il-każi naqsu drastikament.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela kemm-il darba tkellem dwar l-għaqal ta’ dan il-gvern matul il-pandemija u saħansitra ammetta li għalkemm saru żbalji, dawn kienu riżultat ta’ deċiżjonijiet kontinwi fl-interess biex jinżamm bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.

Dan il-ġurnal żar numru ta’ stabbilimenti li mit-Tnejn reġgħu bdew jaraw siegħa xogħol tajba. Il-barbier Rabti Darren Dimech tkellem ma’ inewsmalta u qasam magħna xi ħsibijiet li tajjeb jiġu nnutati b’rabta mal-implimentazzjoni tal-miżuri u anke r-rilaxx tagħhom.

“Ċertament li fl-10 ta’ Marzu meta feġġew aktar minn 500 każ, minn filgħodu dwiet biża’ li lanqas li kieku bqajna miftuħin ma konna se nagħmlu xi xogħol. Kienet evidenti li kellhom jinżammu l-brejkijiet min-naħa tal-awtoritajiet”, beda biex jgħid magħna l-barbier Rabti. Ma nistax ma naqbilx dwar din id-deċiżjoni, iżda nemmen li bħala poplu nistgħu nagħmlu ħafna aktar biex nipprevjenu milli jkollhom jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet li wasslu biex iwaqqfuna mill-ħidma tagħna.

Dimech qalilna li filwaqt li ta min ifaħħar l-għajnuniet kontinwi tal-gvern, min-naħa tiegħu jemmen li ċertu deċiżjonijiet kienu wisq ħorox. Fl-opinjoni tiegħu deċiżjoni li kienet tnaqqas l-impatt u fl-istess ħin tħares is-saħħa tal-klijenti setgħet kienet dik li kull ħanut jista’ jdaħħal biss klijent wieħed u b’hekk tal-anqas “konna nibqgħu ndawru ftit ir-rota”. L-għeluq għal ġimgħat sħaħ wassal għal nuqqas fil-klijentela u dan hekk kif illum żdiedet l-importanza li tingħata kemm mill-irġiel u min-nisa fejn tidħol l-apparenza. Dimech qalilna li llum l-irġiel tista’ tgħid jagħżlu li jirranġaw xagħarhom jew il-leħja darba fil-ġimgħa u b’hekk meta sabu ruħhom ma jistgħux jingħataw dan is-servizz, kellhom jirrivolvu għal metodi oħra bħalma huma x-xiri ta’ għodod li jgħinuk tidher aħjar mill-kumditả ta’ darek.

Staqsejnieh rigward il-prezzijiet u jekk tħajjarx jgħolli xi ftit il-prezz biex ikopri n-nuqqas tal-klijentela, iżda l-barbier Rabti sostna li “Bħalma jien għaddej minn żmien fejn spiċċajna ngerrmu l-għadma, m’għandniex garanzija li m’hawnx oħrajn bħalna u b’hekk ma kinitx tagħmel sens li nkompli ngħaffeġ lil ħaddieħor b’żieda fin-nefqa… irrelevanti li stajt nżid bi ftit, kull naqra tinħass fil-but tal-klijent bħalissa”.

L-aħwa Doreen u Darren komplew fejn ħalla missierhom

“It-Tnejn tista’ tgħid lanqas waqafna jien u oħti. Kien hawn ħafna stennija u t-tbissima fuq fomm dawk li jiġu biex ngħidu kelma ma naqsitx. Hawnhekk nitkellmu fuq diversi suġġetti imma minħabba li l-klijenti ħafna minnhom huma ta’ rutina, normalment iċ-ċajt u l-botti ma jonqsux u dik kienet xi ħaġa li qisni ħassejt nuqqas kbir tagħha”, kompla jgħidilna l-barbier Rabti. 

Tkellimna dwar l-importanza li issa li reġgħu bdew jiftħu dawn is-servizzi, l-operaturi josservaw il-miżuri. “Bdejna niddejqu nħallu l-klijenti barra imma s-sitwazzjoni titlob hekk. Daħħalna klijent klijent għajr xi anzjan li ma tistax tħallih barra wara li jkun ġie minn ċertu bogħod”, tenna l-barbier.

Mistoqsi dwar jekk jemminx li x-xogħol se jibqa’ b’saħħtu fil-jiem li ġejjin, huwa qalilna li din hija xi ħaġa li l-operaturi diġà għaddew minnha madwar sena ilu. Spjegalna li huwa evidenti li wara numru ta’ ġimgħat ikollok klijenti fuq ix-xwiek biex jidhru aħjar, iżda wara din l-ewwel ġimgħa s-sitwazzjoni se tkun qiegħda tikkalma.

Doreen waqt il-ħidma tagħha fil-ħanut tagħhom fir-Rabat

Il-ħanut ta’ Darren u oħtu Doreen ilu madwar 50 sena miftuħ. Huma wirtu din is-sengħa mingħand missierhom Paul magħruf aħjar mar-Rabtin bħala Pawlu tax-xagħar. Il-ħanut sarlu xogħol ta’ tisbiħ iżda matul is-snin dejjem inżamm l-istess għax huwa l-ħanut tipiku li jfittxu l-klijenti tagħhom. Darren spjegalna wkoll li l-ħanut kien beda min-nannu tiegħu li wara għaddha għand missieru u issa ħaduh huma. Minkejja li jismu Darren ħafna mill-klijenti għadhom isibuh bħala Pawlu għax il-ħanut baqa’ jżomm l-isem ta’ Paul Salon b’turija ta’ rispett lejn missier l-aħwa li għenhom isibu saqajhom f’dan ix-xogħol.

F’appell aħħari, l-aħwa sostnew dwar l-importanza li jiġu mħarsa l-miżuri. “Kien hawn ħafna li ċemplulna waqt il-perjodu li konna magħluqin. Ħaddieħor jagħmel hu u smajna anke fl-aħbarijiet b’operaturi li nqabdu jkomplu bil-klijenti. Mhijiex kwistjoni ta’ multa, iżda jkunu egoisti dawk li jġibu lilhom infushom qabel kollox anke b’detriment għas-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna. Tali egoiżmu jista’ jwassal biex fi ftit ġimgħat nerġgħu lura bil-bibien magħluqin u bla xogħol.

Share With: