Depożitu “ta’ qtugħ ta’ nifs”… “aktar ġust li jkun 5 fil-mija”

Minn Victor Vella 

“Id-depożitu  li rridu nħallsu fuq l-appartament qed jaqtgħalna nifisna. Qed nitkellmu fuq appartament ta’  €250,000, lest minn kollox. Iebsa wisq imma għalina li rridu nagħtu €25,000 depożitu qabel ningħataw is-self mill-bank. Qed nitkellmu jien b’paga ta’ €18,500 u l-mara €17,300 fis-sena. M’għandniex problema biex nieħdu s-self, imma l-problema li qed niffaċċjaw hi d-depożitu.  Il-€25,000 ma kellniex u biex irnexxielna ngħaqqduhom, għenuna l-ġenituri. Ippruvajna anke naraw l-iskema li kellu l-gvern ta’ għajnuna fil-ħlas tad-depożitu imma sibna li dik ma tapplikax għalina għax id-dħul ma jridx ikun jaqbeż il-€35,000. Qed nitkellmu għax din mhux problema tagħna biss. Sħabna żgħażagħ bħalna ukoll qed jiffaċċjaw din il-problema”.

Dawn kienu l-kummenti li għadditilna koppja li jinsabu fil-fażi li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. Apparti din il-koppja tkellmu ma’ Inewsmalta koppji oħra li ukoll qed jiffaċċjaw problemi f’dawk li huma flus f’idejhom biex iħallsu d-depożitu ta’ 10 fil-mija.

Sorsi qrib is-settur tal-proprjetà meta tkellmu ma’ Inewsmalta spjegaw li minħabba l-mod kif il-bini kompla jogħla, qed dejjem jiżdiedu l-koppji żgħażagħ li qed isibu problemi biex ikollhom l-10 fil-mija depożitu.

Aġenta li tkellmet magħna qaltilna li “niltaqa’ kull ġimgħa ma’ koppji żgħażagħ. Il-problema mhix li l-bank ma jislifhomx għalkemm hawn min għandu dik il-problema. Hawn koppji żgħażagħ li l-problema li qed isibu hi dik li ma jkollhomx likwidità f’idejhom biex iħallsu l-10 fil-mija. Illum qed nitkellmu fuq postijiet jew aħjar appatamenti għax dawn lejn appartamenti iħarsu, li jkunu bejn €200,000 u €250,000. Illum, tista’ tgħid li hu diffiċli biex issib appartamenti lesti b’inqas minn €180,000. Ma jfissirx li m’hawnx, biex ma niftiehemx ħażin, imma mbagħad trid tara fejn ikunu u din hi xi ħaġa li tagħmel differenza għal dawn il-koppji.”

5 fil-mija depożitu jkun aktar ġust

L-istess aġenta qaltilna li “nifhem li l-kwistjoni tad-depożitu hi xi ħaġa tal-banek u ma jidħolx fiha l-gvern. Minn dak li qed niltaqa’ miegħu jien, nemmen li f’pajjiżna wasal iż-żmien li din tiġi trattata. Qed naraw l-prezz tal-bini tiela’ ‘l fuq b’ċertu rata u d-depożitu baqa’ fejn kien bl-istess rata. Dan allura bilfors joħloq pressjoni akbar fuq dawn il-koppji. Nemmen li wasal iż-żmien li l-banek tagħna jikkonsidraw li dan id-depożitu jitnaqqas għal 5 fil-mija għal min se jixtri l-ewwel proprjetà u jkollu dħul konġunt ta’ minn €40,000 ‘l isfel. Dan itihom nifs. Qed ngħid dan għax meta nkun qed indur il-postijiet  magħhom u huma jitkellmu miegħi, tara l-pressjonijiet li jgħaddu minnhom dawn il-koppji fejn l-ispejjeż huma kbar”. 

Appartament ta’ €230,000…self ta’ €210,000…depożitu ta’ €23,000

Tenfasizza li “proprju ftit tal-ġimgħat ilu kelli każ fejn ir-raġel u l-mara  jaqilgħu madwar €16,000 kull wieħed. F’każ bħal dan il-bank kien lest jislifhom għal residenza li tkun tiswa sa €233,000. Dan ifisser self ta’ €210,000 u huma jridu joħorġu depożitu ta’ €23,000. Imbagħad pagament ta’   €774,000 fix-xahar għal 38 sena.  Il-problema li kellhom kienet li ma kellhomx it-€23,000 depożitu u riedu jaraw minn fejn se jġibuh”.

Qalet ukoll li “din il-koppja setgħet applikat għal għajnuna tal-gvern permezz ta’ skema li hemm. Il-problema kienet imma li l-appartament kien jiswa €233,000, li hu kważi €60,000 aktar mill-prezz massimu ta’ l-iskema. Filfatt waħda mill-kundizzjonijiet tal-iskema tgħid li l-proprjetà m’għandhiex teċċedi l-prezz ta’ €175,000.”

Il-banek għandhom jikkonsidraw tnaqqis fid-depożitu

L-istess aġenta qaltilna li “nemmen li min hu involut f’dan il-qasam għandu jibda jara kif tista’ ssir diskussjoni serja dwar dawn id-diffikultajiet. Mhux sewwa li jispiċċa ikunu l-ġenituri ta’ dawn iż-żgħażagħ li jaraw kif jgħinuhom. Waħda mis-soluzzjonijiet hi li l-banek inaqqsu id-depożitu minn 10 fil-mija għal 5 fil-mija. F’pajjiżi barranin hemm skemi simili. Ma narax għaliex din ma ssirx f’Malta ukoll. Jekk nieħdu kemm l-Awstralja u anke New Zealand hemm skemi ta’ self b’5 fil-mija depożitu. Din tgħin ħafna biex dawn il-koppji jieħdu nifs u tnaqqas ftit il-pressjoni kbira li jkollhom fuqhom f’dan iż-żmien”.

Inewsmalta talbet kumment dwar il-kwistjoni tad-depożitu lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes. Hu qalilna li “l-ammont ta’ depożitu m’huwiex fil-kontroll tal-gvern imma prattika tal-banek fejn il-gvern ma jistax jinterferixxi. Il-gvern qed jassisti lil min ma jiflaħx iħallas dan id-depożitu permezz ta’ skema li ssellef l-ammont tad-depożitu sħiħ mingħajr interessi. Xi ħaġa li ma kinitx issir fil-passat.”

Share With: