Darrren Debono jingħata l-ħelsien mill-arrest

L-eks plejer tal-football Darren Debono ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €50,000 u garanzija personali ta’ €200,000.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kompliet tinstema l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Darren Debono u Jeffrey Checuti li kienu akkużati b’ħasil ta’ flus u kuntrabandu ta’ fjuwil, liema akkużi huma qed jiċħdu.

Il-kumpilazzjoni tal-provi bdiet f’Novembru u Chetcuti kien ingħata l-libertà proviżorja iktar kmieni fil-proċeduri.

Fis-seduta ta’ nhar it-Tlieta, xehdu diversi impjegati tal-kumpanija World Water Fisheries. Ġew ippreżentati diversi dokumenti mis-Surġent Francesco Farrugia mit-Taqsima Investigazzjonijiet fosthom kuntratti li Debono kellu rigward kiri ta’ appartamenti u ma’ klabbs tal-futboll fiż-żmien meta huwa kien għadu jilgħab.

Fis-seduta xehed ukoll Julian Zammit minn Kitchen Concepts Limited u direttur ta’ din il-kumpanija fejn spjega kif wieħed mir-restoranti li kellu kien mikri lil wieħed bl-isem ta’ Jeffrey Camilleri u li minkejja li ilu magħluq madwar sena għadhom jirċievu l-kera mingħandu.

Fix-xhieda tiegħu Pierre Schembri qal li jopera kumpanija li tbiegħ il-ħut bl-isem ta’ Mt Coast u li hija proprjetà tiegħu biss. Semma kif għal perjodu ta’ tmien snin huwa kien jaħdem ma’ World Water Fisheries li jieħu ħsiebha Debono filwaqt li Chetcuti kien l-imgħallem. Qal li kien ftiehem ma’ Checuti fuq l-istock għall-prezz ta’ €300,000 u żied jgħid li peress li kien għadu jibda għaddilu xi ftit flus minn qabel. Żied jgħid li ma’ Chetcuti huwa d-direttur ta’ Mt Coast. 

Il-kaxxier tal-klabb, Stephen Buttigieg, xehed li ilu jokkupa din il-kariga għal 15-il sena u qal li Chetcuti kien parti mill-kumitat bħala eks-pjejer tal-futboll. Xehed kif Chetcuti u Debono ġabu diversi plejers u kienu jħallsuhom, liema ħlas kien ivarja minn €700 għal €2,000. Semma kif il-kowċ kien jirċievi paga ta’ €2,400 fix-xahar u kien iħallsu Debono.

Xehed li t-titjiriet u l-akkomodazzjoni tal-plejers barra mill-pajjiż kienu fil-maġġor parti tagħhom imħallsa mill-akkużati u żied jgħid li l-pagamenti kienu jsiru dirett lill-plejers. 

Wara x-xhieda, il-prosekuzzjoni qalet m’għandix topponi l-ħelsien mill-arrest ta’ Debono, liema talba ġiet milqugħa. Apparti mil-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €50,000 u garanzija personali ta’ €200,000, huwa ġie ordnat li ma jistax isiefer u li ma jistax jersaq 10 metri viċin il-kosta. Il-każ mistenni li jkompli fit-18 ta’ Mejju fit-8.30a.m.

Share With: