Covid-19 – L-istaġun tal-football se jiġi dikjarat mitmum

L-istaġun tal-football għal darb’oħra ġie mitmum qabel iż-żmien wara li l-Awtoritajiet tas-Saħħa naqsu milli jneħħu l-projbizzjoni fuq l-isport organizzat, għall-inqas sas-26 ta‘ April, minkejja li ħareġ bosta mill-miżuri li tħabbru x-xahar li għadda.

Il-kwistjoni se tiġi diskussa waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Football Association li se ssir għada.

Il-kompetizzjonijiet sportivi kollha, inklużi l-kompetizzjonijiet organizzati mill-Malta Football Association, Youth FA u Gozo FA, ġew imwaqqfa fil-11 ta‘ Marzu wara d-deċiżjoni tal-Gvern li l-isport organizzat kollu jkun sospiż sal-11 ta’ April minħabba numru rekord ta‘ każijiet Covid-19.

Nhar it-Tnejn li għadda, il-Malta Football Association, flimkien mal- Aquatic Sports Association u l-Malta Basketball Association għamlu appell lill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jippermettu r-ritorn tal-isport kompetittiv, għalkemm b’mod gradwali.

It-tliet Assoċjazzjonijiet enfasizzaw li l-prijorità għandha tingħata lill-isport elite minflok il-kompetizzjonijiet tal-Youths u tad-dilettanti li jinvolvu numru ferm akbar ta’ parteċipanti. 

STQARRIJA TAL-MALTA FOOTBALL ASSOCIATION

Il-Malta Football Association esprimiet id-dispjaċir tagħ­ha li l-isport ma kienx fost dawk li tneħħiet il-projbizzjoni mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. 

Għall-aħħar ġimgħat, l-MFA kienet ilha titlob lill-Awto­ritajiet tas-Saħħa biex ineħħu l-projbizzjoni attwali fuq sport organizzat għal-livell elite, jiġi­fieri, it-timijiet nazzjonali, il-Kampjonat Premier, u ċ-Challenge League.

Fix-xhur li għaddew saru sforzi sinifikanti biex dan il-li­vell ta’ kompetizzjonijiet jiġi sostnut. Dan kien jinkludi sistema ta’ rintraċċar tal-kuntatti għall-players u l-membri tal-istaff kollha li kien ġie approvat mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Saru aktar minn 3,500 valutazzjoni individwali bi spej­jeż tal-Assoċjazzjoni u li ġew imtaffa mis-sistema tas-Saħħa Pubblika. Barra minn hekk, saru madwar 4,000 test tal-Co­vid-19 matul l-istaġun. Flimkien mal-ispejjeż addizzjonali biex isostnu kompetizzjonijiet f’dawn iċ-ċirkostanzi kif ukoll it-telf ta’ dħul għall-Assoċjazzjoni, l-impatt finanzjarju s’issa qabeż iż-€2 miljun.

Dawn l-isforzi sfumaw fix-xejn bid-deċiżjoni li tinżamm fis-seħħ il-proj­bizzjoni attwali fuq l-isport li jinvolvi kuntatt.

Dawn id-deċiżjonijiet jdgħajfu l-inizjattivi kollha li l-Assoċjazzjoni qed tieħu biex ittejjeb il-livell tal-logħba u sussegwentement tat-timijiet naz­zjonali.

Minkejja rappreżentazzjonijiet ripetuti lill-Awtorita­jiet, ma ngħatat l-ebda kunsiderazzjoni għall-impatt soċjali u ekonomiku li din id-deċiżjoni tikkawża fuq l-għixien ta’ bosta sportivi, staff tekniku, u amministraturi, biex ma nsemmux il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali għall-pajjiż, inklużi s-saħħa u aspetti tal-benesseri.

Din id-deċiżjoni se jkollha wkoll effett negattiv fuq livell tekniku.

Il-football f’Malta, bi 15,000 membru affiljat, huwa l-uniku pajjiż Ewropew fejn l-isport elite ġie pprojbit. Fl-istess ħin, data maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika wriet ripetutament li l-impatt tal-isport fuq il-firxa tal-Covid-19 mhuwiex daqstant importanti, anke meta jitqiesu l-livelli tad-dilettanti u tal-Youths. L-MFA kienet ippreżentat protokoll ta’ Ritorn għall-Attività li wera din it-teżi.

Meta l-MFA ngħatat ir-responsabbiltajiet mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, dawn ġew imwettqa bl-aktar mod sublimi.

F’dak li jista’ jitqies bħala déjà vu tas-sena li għaddiet, din il-projbizzjoni fit-tul tirrappreżenta approċċ li jikkonferma li l-isport għadu meqjus biss bħala sforz dilettantesk.

Sadanittant, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta FA se jiltaqa’ kif kien skedat, proprju għada, 9 ta’ April,  biex jiddiskuti l-kwistjoni u l-impatt fuq il-kompetizzjonijiet domestiċi.

Share With: