Bosta urtati bil-kelma ‘rijabilitazzjoni’ li uża Grech

Isostnu li dan huwa insult u li Grech għandu jitlob skuża

“Ir-rijabilitazzjoni tiegħu fil-Partit Nazzjonalista, jekk huwa jrid, tista’ tibda bil-mod.” Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’intervista li saritlu l-Ħadd li għadda meta kien mistoqsi dwar Franco Debono. Filwaqt li qal li Debono huwa persuna li kellu, għandu u se jkollu ħafna x’joffri, huwa żied jgħid ukoll li din mhix kwistjoni ta’ Debono biss imma messaġġ li jrid jibgħat lil kulħadd. Qal li lejn il-PN resqu ħafna nies li telqu numru ta’ snin ilu għax jemmnu li l-PN qed jissaħħaħ, jinbidel u reġa’ sar id-dar naturali tagħhom.

Id-dikjarazzjoni tiegħu urtat u weġġgħat lil bosta persuni saħansitra eks tesserati tal-PN, b’mod speċjali għal kelma “rijabilitazzjoni” għax sostnew li b’dan il-mod qed jinsulentahom.

Ġurnal lokali saħansitra rrapporta tali kelma fit-titlu tal-artiklu: “PN to welcome ‘rehabilitated’ ex-members’”. Uħud kienu ftit xettiċi meta dan ġie rrapportat u sostnew li dik il-kelma Grech qatt ma użaha, pero l-filmat tal-intervista juri mod ieħor. Intant, wara kritika qawwija, anke t-titlu tal-artiklu mill-portal tal-ġurnal li rrapporta dak li qal Grech inbidel u neħħa l-kelma ‘rijabilitazzjoni’.

“Nemmen li Bernard għandu jitlobna skuża”

Eks-tesserat tal-PN, George Tabone, mhux biss iddeskriva dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista bħala insult u tal-mistħija iżda saħansitra sostna li Grech għandu jitlob skuża.

Fuq il-midja soċjali Tabone kiteb: “Rehabilitated? Jien nemmen li dan huwa insult. Mhux talli weġġgħajtuna, issa wkoll qegħdin tinsulentawna. Nemmen li Bernard għandu jitlobna skuża. L-ewwel talli weġġgħawna u issa talli qiegħed jinsulentana. Tal-mistħija.”

“Istħi… huwa l-PN li jrid jirrijabilita ruħu, mela jien”

L-eks-tesserat tal-PN John Busuttil ukoll qal li Grech għandu jistħi u fi kliemu huwa l-PN li għandu jirrijabilita ruħu u mhux hu. Fuq il-midja soċjali huwa qal: “Istħi jekk int qed tqabbilni ma’ drogat jew kriminal li għax mort mal-Labour għandi bżonn niġi rijabilitat biex taċċettani lura. Flok titlob skuża f’isem nofs il-partit li għandek li kissru kulma kont nemmen fih u għadhom imexxu. Huwa l-PN li jrid jirrijabilita ruħu u mela jien. Sadanittant ngħidlek li jien ġejt rijabilitat meta vvutajt Labour u se nerġa’ għax inħossni aktar komdu.”

Meta Busuttil kiteb dan, fost il-persuni li wieġbu kien hemm il-kunsillier Nazzjonalista u eks Sindku tar-Rabat Rudolf Grima li qal: “Kemm int sensittiv. Rijabilitat ma tfissirx eks-drogat. Il-kuntest ta’ rijabilitazzjoni hija wiesgħa. Allura r-rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta, tal-Port il-Kbir u affarijiet oħra huma ħżiena? Sirna sensittivi żżejjed fl-opinjoni tiegħi. Ħadd ma jista’ juża’ kelma għax tiġi interpretata ħażin. F’dan il-każ żgur li l-interpretazjoni kienet ħażina.” F’kumment ieħor, Grima qal: “esperti sirtu tal-ispin.”

Busuttil wieġeb lil Grima u qallu li rijabilitat tfisser li tkun qed titmermer u terġa’ ġġibha lura kif kienet. Żied jgħid: “Meta tlaqt lill-PN għax huma tmermru u mhux jien.”

Uru aktar sensittività

   – il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti

Minn naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti qal li “nappella li l-argumenti politiċi ma jżeffnux fin-nofs nies dipendenti fuq is-sustanzi. Min għandu l-vizzju tax-xorb żejjed u abbuż mid-droga huwa vittma taċ-ċirkostanzi u għandu bżonn l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tiegħu. U iva din l-għajnuna tingħata f’Ċentri ta’ Rijabilitazzjoni li għandna tlieta minnhom f’pajjiżna. Ċert ukoll li s-Sur Bustuttil ma riedx iweġġa’ lil dawn in-nies u kien qed jirreaġixxi għal kelma li fil-verità kien ikun aħjar li ma ntużatx għax bil-Malti għandha konnotazzjonijiet negattivi li m’hemmx meta tintuża bl-Ingliż. Naqra aktar sensittività sinjuri, jekk jogħġobkom.”

Intant, il-kritika fil-konfront ta’ dak li qal Grech kompliet għaddejja b’bosta kummenti fuq il-midja soċjali fosthom ta’ persuna li qalet li l-kelma ‘rijabilitat’ tfakkru fl-istejjer  li kienu instemgħu fit-Tieni Gwerra Dinjija lura fl-istorja. Huwa kkummenta: “X’insult. Rehabilitated. Jew ma jafux xi tfisser eżatt il-kelma jew veru ma jistħux. Tfakkarni fl-istejjer tan-nażi lura fl-istorja.”

Share With: