“Bħalissa hemm ħutna jegħrqu fil-Mediterran… Se nsalvawhom fil-Ġimgħa l-Kbira? Se nirrispondu l-għajta tagħhom?” – L-Arċisqof Scicluna

Fil-Ġimgħa l-Kbira, l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina, u l-Via Crucis li saret fis-Seminarju tal-Arċisqof, tal-Virtù, ir-Rabat.

Fl-omelija waqt l-Azzjoni Liturġika, il-ħsieb tal-Arċisqof kien fil-morda li għaddejjin mill-passjoni tagħhom, u f’dawk li qed jagħtu ħajjithom biex jikkurawhom fl-isptarijiet u r-residenzi. Semma wkoll lil min qed iġorr is-salib tal-ansjetà, tad-dipressjoni, ta’ qtigħ il-qalb, tas-sofferenza silenzjuża għax ma jafx x’hemm għalih fil-futur, u staqsa “aħna qegħdin qrib dawn ħutna?”

Mons. Arċisqof qal li din il-Ġimgħa l-Kbira partikolari ssejħilna biex nilmħu d-dell tal-imsallab kull fejn hemm it-tbatija: “Bħalissa hemm ħutna jegħrqu fil-Mediterran. Se nsalvawhom illum, il-Ġimgħa l-Kbira? Se nirrispondu l-għajta tagħhom? Jew se nħalluhom jegħrqu jew jiġbruhom u jeħduhom lura għat-tbatija, għall-umiljazzjoni biex forsi jinbiegħu wkoll bħal skjavi? X’deċiżjonijiet se nieħdu?”

L-Arċisqof fakkar li ma nistgħux inħarsu b’devozzjoni u rispett lejn Ġesù msallab, imma mbagħad inħarsu b’disprezz lejn ħutna.

Share With: