Bernard Grech jgħid li lest jaħdem ma’ min telaq mill-PN

Il-Partit Nazzjonalista huwa lest ma’ dawk li tbiegħdu mill-partit fl-aħħar snin. Hekk qal il-Kap Nazzjonalistsa Bernard Grech waqt intervista li kienet imxandra fuq fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista aktar kmieni llum.

B’mod partikolari għadda l-kumment meta mistoqsi jekk huwiex lest li jaħdem mal-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono.

Huwa qal li matul l-aħħar snin kien hemm bosta li telqu minn ħdan il-Partit Nazzjonalista, u għaldaqstant il-PN se jkun qed jesplora r-relazzjoni tiegħu ma’ dawk li nbidlitilhom l-opinjoni dwar il-partit.

Fl-istess waqt huwa ddeskriva lil Debono bħala persuna li baqagħlu ħafna x’joffri. Madankollu Grech qal li huwa ħerqan biex il-PN jilqa’ wkoll fi ħdanu uċuħ ġodda.

Intant dwar il-proposta mressqa mill-Gvern għal riforma dwar il-kannabis, Grech qal li l-PN jinsab fi proċess ta’ konsultazzjoni ma’ għadd ta’ esperti biex ikollu l-għarfien kollu dwar is-suġġett.

Mistoqsi dwar l-għoti ta’ maħfriet lil dawk akkużati b’reati, huwa qal li kieku l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ħadu b’mod effettiv, kieku ma kienx jeħtieġ li tittieħed informazzjoni mingħand kriminali. Qal iżda li dan mhux il-każ u għaldaqstant il-pajjiż jinsab imġiegħel jitlob informazzjoni lil kriminali.

Dwar it-tema tal-immigrazzjoni huwa qal li jekk ikun fdat biex ikun Prim Ministru, huwa se jkun qed ipoġġi lil Malta l-ewwel, madankollu se jkun qed jaċċerta wkoll li l-pajjiż jonora l-obbligi internazzjonali tiegħu.

Share With: