ARA: L-imwiet mill-pandemija… Malta b’rata ferm aħjar minn pajjiżi barranin – il-Viċi PM Chris Fearne

Miktub minn Christian Muscat

Proprju fl-aħħar jiem, fil-pajjiżi Ewropea ġew reġistrati xejn inqas minn miljun persuna li mietu bil-Covid19.   Pajjiżi bħal Brażil u l-Istati Uniti kellhom ammont qawwija ta’ imwiet bil-Brażil kienu qed jaqbżu l-4,000 mewt kuljum.  Fl-Istati Uniti l-imwiet sa issa laħqu l-580,000 persuna. Il-Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Dr Chris Fearne, f’intervista’ ma’ Inewsmalta ddikjara li “barra minn Malta waħda minn kull 45 persuna qed titlef ħajjitha bil-COVID. F’Malta s-sitwazzjoni hi aħjar hekk kif skont l-istatistika waħda minn kull 75 persuna qed titlef ħajjitha minħabba din il-pandemija. F’pajjiżna wkoll qed naraw titjib anke għax għandna sistema tas-saħħa ta’ livell għoli tant li t-taqsima tal-kura intensiva u dipartimenti oħra fl-Isptar Mater Dei qed jaħdmu bl-aħjar mod possibbli.”

Tkellem dwar il-kontroversji marbutin mat-tilqima Astra Zeneca u qalilna li “fil-verità l-uniku pajjiż li waqqaf it-tilqima tal-AstraZeneca hu proprju d-Danimarka filwaqt li n-Norveġja u l-Iżvizzera għalissa ddeċidew li jissospenduh. Mill-banda l-oħra, il-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea qed jużaw dan il-vaċċin ma’ etajiet differenti. Aħna qed nimxu dejjem skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-EMA (European Medicines Agency) u għalhekk qed intuh lil min għandu bżonnu. Nafu li t-tilqima ssalva diversi ħajjiet u għalhekk l-EMA qed tgħid li dan il-vaċċin hu sigur.” 

Chris Fearne – Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa li f’din l-intervista fost l-oħrajn jitkellem dwar l-aħħar żviluppi marbuta mal-pandemija tal-coronavirus f’pajjiżna, il-programm ta’ vaċċinazzjoni u r-rilaxx tal-miżuri relatati mal-pandemija b’mod kawt għall-akbar ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Malta hija punt ta’ referenza għall-programm ta’ vaċċinazzjoni tagħha. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?

Fil-verità issa ilna madwar erba’ xhur naħdmu fuq il-programm tal-vaċċinazzjoni fejn kollox kien ippjanat u maħsub b’reqqa kbira. Ir-raġuni għal dan is-suċċess kienet waħda sempliċi. L-ewwel u qabel kollox, aħna ngħaqadna bħala grupp ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li tlabna li nixtru t-tilqim flimkien. Ma ridniex li jkun hemm sitwazzjoni fejn pajjiżi kbar bħall-Italja u l-Ġermanja jieħdu aktar dożi milli suppost u aħna konna nispiċċaw nittardjaw il-proċess tagħna. B’hekk ingħaqadna flimkien u hemm rajna li l-proċess mexa b’uniformita’ kif suppost kellu jkun. Barra minn hekk kien hemm ukoll vantaġġ ekonomiku għax meta int tixtri bħala grupp, il-prezz se jkun ukoll favorevoli. Sena ilu meta konna fl-istess sitwazzjoni, konna nafu li t-tilqima kellha tkun is-soluzzjoni. Għalhekk bdejna nħabirku sabiex jaslu l-ewwel dożi f’pajjiżna kemm jista’ jkun malajr.

Fl-istess waqt pajjiżi oħra fosthom l-Awstrija ilmentaw li bħala pajjiż, aħna stajna ħadna aktar dożi milli suppost. Fil-verita’ aħna ma ksirna l-ebda regola. Aħna riedna nkunu ta’ benefiċċju għall-Maltin u l-Għawdxin u għamilna xogħolna bl-aqwa mod possibli. 

Biex inkun qed ngħidlek kollox, hemm pajjiżi li lanqas bdew ilaqqmu l-popolazzjoni tagħhom.

Ġaladarba aħna jkollna l-vaċċini f’idejna mhux qed inħalluhom fil-friża, anzi qed nużawhom mill-ewwel tant li diġa’ laqqamna 44 fil-mija tal-popolazzjoni bl-ewwel doża. Pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea għadhom lura u għalhekk aħna kburin li mxejna b’loġistika li qed tippermetti proċess b’ritmu qawwi ta’ tilqim.

Hemm tħassib dwar il-vaċċini tal-AstraZeneca u dak tal-Johnson & Johnson minħabba biża’ ta’ blood clots rari. Diversi pajjiżi Ewropej għażlu li jwaqqfu temporanjament l-użu tal-vaċċin tal-AstraZeneca, b’dak tal-J&J għalissa mhux se jkun qed jitqassam fl-Ewropa. Hemm lok għal tħassib fir-rigward tas-sigurtà ta’ dawn il-vaċċini?

Fil-verità l-uniku pajjiż li waqqaf il-vaċċin tal-AstraZeneca hu proprju d-Danimarka filwaqt li n-Norveġja u l-Iżvizzera għalissa ddeċidew li jissospenduh. Mill-banda l-oħra, il-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea qed jużaw dan il-vaċċin ma’ etajiet differenti. Aħna qed nimxu dejjem skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-EMA (European Medicines Agency) u għalhekk qed intuh lil min għandu bżonnu. Nafu li t-tilqima ssalva diversi ħajjiet u għalhekk l-EMA qed tgħid li dan il-vaċċin hu sigur. 

Barra minn Malta waħda minn kull 45 persuna qed titlef ħajjitha bil-COVID. F’Malta s-sitwazzjoni hi aħjar hekk kif skont l-istatistika waħda minn kull 75 persuna qed titlef ħajjitha minħabba din il-pandemija. F’pajjiżna wkoll qed naraw titjib anke għax għandna sistema tas-saħħa ta’ livell għoli tant li t-taqsima tal-kura intensiva u dipartimenti oħra fl-Isptar Mater Dei qed jaħdmu bl-aħjar mod possibbli.

Issa jekk insemmu r-riskji tal-blood clots, tajjeb wieħed jgħid li anke min ipejjep għandu ċ-ċans jiżviluppa blood clots li jistgħu jkunu fatali. Jiġifieri l-benefiċċju ta’ din it-tilqima tgħaddi bil-bosta r-riskji li jista’ jkun hemm. 

Aħna nikkomunikaw mal-EMA kuljum u huma jibqgħu jikkonfermaw li din it-tilqima ssalva l-ħajjiet u eventwalment tnaqqas l-imwiet. Huwa għalhekk li noqogħdu fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-aġenzija tant effiċjenti.

Hemm tendenza li n-nies qed tirrifjuta milli titlaqqam b’ċerti vaċċini?

Nista’ ngħidlek li t-tendenza li qed naraw fil-poplu Malti hi kemmxejn bil-kontra fejn hawn ċertu garr li jixtiequ li t-tilqima tingħata qabel. Nista’ ngħidlek ukoll li qed ikollna rispons tajjeb mill-poplu Malti li qed jikkonkorri sabiex jiġi mlaqqam. B’hekk qed naraw is-suċċess ta’ din it-tilqima anke għax il-pubbliku inġenerali qed jipparteċipa b’mod attiv.

Minn dejjem emfasizzajt l-importanza tal-proċess tal-joint procurement ta’ mediċini mill-blokk Ewropew. Il-joint procurement tal-vaċċini kien l-ewwel pass f’din id-direzzjoni. Nistennew li jkun hemm approċċ simili anke fix-xiri ta’ mediċini oħrajn li l-cost tagħhom huwa pjuttost għoli meta jinxtara bil-volum li jkun jeħtieġ pajjiżna?

Dan hu punt li kont ili nisħaq fuqu fil-grupp li ffurmajna bħala pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea. Inqisu bħala punt ewlieni u kardinali għax kif għedtlek diġa’ meta jkun hemm l-ftehim u l-għaqda, se jkun hemm iktar vantaġġi f’kull lat. Għalhekk ikkommetejna ruħna li nixtru dawn il-vaċċini flimkien.

Biex inkunu qed ngħidu kollox, il-kumpaniji l-kbar farmaċewtiċi ma ridux li dan il-ftehim iseħħ speċjalment minħabba li jkollhom jagħtu prezz orħos minn dak li hemm fis-suq. Imma kif ngħidu fejn hemm l-għaqda, hemm is-saħħa u għalhekk li t-tilqim mixtri ġie akkwistat bi prezz tajjeb. 

L-UE b’mod inġenerali qed tesperjenza diffikultajiet fil-provvista ta’ vaċċini, b’dan isarraf fi problemi fir-rata ta’ tilqim. F’intervista riċenti ħeġġiġt biex l-UE tħares lil hinn mill-vaċċini tal-Pfizer, Moderna, AstraZeneca u J&J u saħansitra tilħaq ftehim mar-Russja dwar il-vaċċin Sputnik. Ir-Russja min-naħa l-oħra kienet ikkritikata minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni marbutin mat-testijiet kliniċi ta’ dan il-vaċċin. X’inhi l-pożizzjoni tiegħek dwar dan?

Biex vaċċin ta’ ditta partikolari jingħata lill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, l-ewwel irid ikun approvat mill-EMA. Din tal-aħħar hi aġenzija ferm serja, xi ftit konservattiva li toqgħod lura qabel ma’ toħroġ ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa. Din l-aġenzija żżomm saħħet in-nies bħala prijorita’ assoluta u għalhekk tagħrbel sew l-affarijiet qabel ma tapprova dawn il-vaċċini.

Rigward il-vaċċin Sputnik, dan irid ikun approvat mill-EMA. Naf li bħalissa qed jingħata fir-Russja iżda aħna rridu nistennew ir-rakkomandazzjonijiet mill-istess aġenzija Ewropea għall-Mediċini. Se nkunu qed nibdew diskussjonijiet f’dan ir-rigward fil-grupp tal-Unjoni Ewropea. 

Jekk nerġgħu nitkellmu dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna, aħna kommessi li jkollna vaċċin għal kulħadd.

Dan is-sajf qed jiġi deskritt bħala “break or make” għall-industrija lokali tat-turiżmu u b’mod speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar. X’inhi l-pożizzjoni tiegħek dwar dan?

Kif nafu l-ekonomija Maltija tiddependi mit-turiżmu. Wieħed mis-setturi li bata ferm waqt din il-pandemija hu proprju t-turiżmu. Dan kollu mhux fenomenu ta’ Malta biss iżda wkoll tad-dinja kollha. Jibqa’ l-fatt li l-prijorita’ ewlenija għalina tibqa’ s-saħħa ta’ kulħadd u għalhekk qed naraw li kulħadd għandu jkun imlaqqam.

Din mhux kwistjoni ta’ politika iżda sitwazzjoni li naraw li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem f’dan il-programm ta’ vaċċinazzjoni.

Qed naħdmu flimkien sabiex immexxu ‘l quddiem il-kunċett ta’ vaccine certificate. Qed naraw li mmexxuha ‘l quddiem anke għax nixtiequ li Malta tkun f’dak li bl-Ingliż tissejjaħ green list.

Aħna rridu naraw li n-numri ta’ nies pożittivi għall-COVID-19 jkompli jinżel dejjem aktar u ma jerġgħux jiżdiedu.

Mill-aspett politiku taħseb li l-pandemija u l-mod ta’ kif ġiet trattata mill-awtoritajiet tas-saħħa se tkun waħda mill-fatturi ewlenin ta’ votazzjoni għall-elettorat?

Kif għedtlek, aħna ma ħallatniex il-politika ma’ din is-sitwazzjoni bla preċedent li d-dinja esperjenzat. Għalkemm l-oppożizzjoni ppruvat iddaħħal l-element politiku fis-sitwazzjoni, il-poplu fehem li s-saħħa l-ewwel u qabel kollox. B’hekk dejjem ġibna l-interess tal-pajjiż l-ewwel.

Jekk naraw x’qed jiġri barra minn Malta, bħalissa Franza tinsab fl-agħar punt tal-pandemija filwaqt li l-Ġermanja qed jikkunsidraw li jdaħħlu curfew peress li n-numri telgħin.

Aħna min-naħa tagħna se nibqgħu għaddejjin bil-programm ta’ vaċċinazzjoni sabiex issa wara li nlestu l-gruppi ‘l fuq minn 64 sena, nibdew dawk minn 50 sena ‘l fuq u nibqgħu neżlin ftit ftit sakemm nilħqu l-miri tagħna li nlaqqmu lill-popolazzjoni kollha. Infakkar lill-pubbliku sabiex jirreġistra fis-sit elettroniku vaċċin.gov.mt għat-tilqima.

Finalment se nkunu qed naraw is-sitwazzjoni kif tkun u nkunu qed nirrilaxxjaw il-miżuri tagħna b’mod kawt għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Share With: