Alex Telles jisħaq li teżisti relazzjoni mill-aqwa bejnu u Luke Shaw

Alex Telles tkellem fuq il-kompetizzjoni bejnu u Luke Shaw għall-post fuq ix-xellug ma’ Manchester United, bil-Brażiljan jinsisti li t-tnejn li huma jimmotivaw lil xulxin.

Il-player ta’ 28 sena għamel 18-il dehra għar-Red Devils sa minn meta ngħaqad magħhom mingħand Porto fis-sajf li għadda, iżda bħalissa jinsab wara Shaw fil-forma fejn jidħol rwol inizjali f’Old Trafford.

Telles qal li hu għamel dak kollu li seta’ biex jipprova li jistħoqqlu jkun fil-club u wera li għandu relazzjoni qawwija ma’ sħabu.

“Minn mindu wasalt hawn, ħdimt ħafna u għamilt dak kollu li nista’ biex nuri li ħaqqni li nkun hawn, u naħseb li għamilt dan”, qal Telles.

“Fl-istess ħin, tassew kuntent għal Luke Shaw, li għamel progress kbir u kien qed jilgħab verament tajjeb. Huwa jitħarreġ verament tajjeb u kellu wirjiet eċċellenti wkoll.

“F’termini tat-tnejn li aħna, it-tnejn li aħna nimmotivaw lil xulxin u nimbuttaw lil xulxin aktar ‘il quddiem u ngħinu lil xulxin. Dak huwa tassew importanti fit-team kollu, indipendentement mill-pożizzjonijiet li nilagħbu.”

Telles deher biss f’seba’ okkażjonijiet fil-Premier League f’dan l-istaġun.

Share With: