“Aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ permezz ta’ Erasmus+”

Jikteb Stefan Zrinzo Azzopardi – Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin huma minn ta’ l-ewwel li se jibdew jibbenefikaw mill-programm il-ġdid tal-Fondi Ewropej għal Malta għas-snin 2021-2027 li jlaħħqu l-€2.7 biljuni wara negozjati twal li ġew konklużi mill-Prim Ministru Robert Abela f’Lulju li għadda.

L-Aġenzija għall-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA) fi ħdan is-Segretarjat għall-Fondi Ewropej għadha kemm ħabbret id-dati li fihom se jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għall-Programm ġdid imniedi mill-Kummissjoni Ewropea magħruf bħala Erasmus+. 

Dan il-programm tal-Unjoni Ewropea għandu l-għan li jgħin fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u li sport. Dawn l-oqsma qed isibu appoġġ kbir mill-Unjoni Ewropea bil-għan li ċ-ċittadini Ewropej u partikolarment iż-żgħażagħ jiżviluppaw kemm personalment kif ukoll professjonalment.

Il-programm il-ġdid Erasmus+ qed ikompli jibni fuq is-suċċess tal-programmi simili tas-snin li għaddew filwaqt li se jagħtu impetus ġdida ħalli l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ u anke għall-organiżażżjonijiet li jirrappreżentawhom u għaqdiet sporti ikomplu jikbru u ħafna aktar żgħażagħ jipparteċipaw fihom.

Diġa mijiet ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin kellhom l-opportunita jgawdu mis-suċċess tal-programm Erasmus fis-snin li għaddew. Kienu bosta dawk li kellhom esperjenza ta’ tagħlim f’istituzzjonijiet edukattivi Ewropej u anke ngħataw taħriġ f’diversi oqsma. Kellna gruppi ta’ żgħażagħ li ħadu sehem fi programmi ta’ skambji ma’ żgħażagħ Ewropej li fihom ħadu esperjenzi ġodda li għenuhom jiżviluppaw il-personalita tagħhom. Erasmus+ issa qed ikompli jkabbar dawn l-opportunijiet għaż-żgħażagħ tagħna. 

Fost il-prijoritajiet li se jingħataw importanza fil-programm il-ġdid Erasmus+ hemm dawk li huma l-istess prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea kollha għas-seba’ snin li ġejjin. Għaldaqstant, proġetti taż-żgħażagħ favur il-ħarsien ambjentali u dwar it-tibdil fil-klima se jingħataw aktar importanza. L-istess jista’ jingħad għal proġetti konnessi mal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea għat-transiżżjoni għal ekonomija diġitali. Erasmus+ se jiffaċilita proġetti ta’ koperazzjoni internazzjonali bejn organiżazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ bil-ghan li dawn jiksbu l-aqwa taħriġ fl-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom fil-qasam diġitali.

Dan huwa l-mument li fih, żgħażagħ kemm fuq bażi individwali u anke mal-organiżażżjonijiet tagħhom, jaħtfu dawn l-opportunitajiet miftuħa beraħ quddiemhom ħalli jimirħu f’esperjenzi ġodda li jkomplu jsaħħulhom il-karattru tagħhom u b’hekk ikollna garanzija ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ żgħażagħ li għad trid tkun il-ġenerazzjoni tat-tmexxija ta’ pajjiżna. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mis-sit elettroniku tal-Aġenzija EUPA www.eupa.org.mt jew billi jċempel lill-istess Aġenzija fuq 9901 9457.

Share With: