Aktar kunsens li r-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 hi pass ’il quddiem

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ssokta bil-laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika ma’ diversi stakeholders dwar ir-riforma tal-kirjiet protetti ta’ qabel l-1995, qabel ma tibda d-diskussjoni fil-parlament din il-ġimgħa. 

Waqt laqgħa ma’ rappreżentanti tal-Malta Developers Association, il-Ministru Roderick Galdes iddeskriva l-liġi proposta bħala waħda neċessarja biex tipproteġi lin-nies li jeħtieġu protezzjoni u li tagħti dak li hu ġust lis-sidien. 

“Qed nitkellmu fuq intervent bilanċjat. B’din ir-riforma mhux se jkunu aktar is-sidien li se jerfgħu l-piż tal-kirjiet protetti. Se jkun il-gvern li se jerfa’ l-piż soċjali permezz ta’ benefiċċju tal-kera b’saħħtu li jista’ jitla’ sa €10,000 fis-sena għal dawk vulnerabbli u pensjonanti”, spjega l-Ministru Galdes. 

Hu elenka wkoll il-kwistjoni tal-wirt li kien fattur ieħor inġust fuq is-sidien. “Wara dawn is-snin kollha din il-liġi se ġġib it-tmiem tal-wirt. B’hekk għall-ewwel darba s-sidien għandhom il-garanzija li l-proprjetà se tirritorna għandhom kif inhu xieraq”, qal il-Ministru Roderick Galdes.  

Min-naħa tagħhom, ir-rappreżentanti tal-MDA qalu li din il-liġi hi l-ewwel pass ’il quddiem għall- inġustizzja kbira li ilha teżisti għexieren ta’ snin. 

Il-Ministru Roderick Galdes ikkonkluda li l-Istat seta’ jagħmel dan il-pass wara l-bidliet kbar li din l-amministrazzjoni ġabet f’dan il-qasam, b’politika proattiva tal-housing li ħarġet b’soluzzjonijiet u għajnuniet għal faxex aktar wiesgħa ta’ nies, inklużi l-proġetti ta’ housing affordabbli li l-ministeru qed jesplora flimkien mal-imsieħba soċjali. 

Share With: