AĠĠORNAT: Eġizzjan mixli bil-pussess tad-droga sintentika

Mustafa Medgag Amin, Eġizzjan ta’ 19-il sena tressaq fil-Qorti mixli li kellu fil-pussess ta’ 12-il pakkett b’sustanza suspettata droga sintentika, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. 

Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis fi Ġnien Herbert Ganado, il-Floriana. Waqt ronda li kienet qiegħda tagħmel il-Pulizija, innotat xi persuni bilqiegħda f’part mudlama tal-ġnien u għaldaqstant qam suspett fihom u avviċinawhom.

Waqt li bdew ikellmuhom, iż-żgħażagħ bdew jaġixxu b’mod suspettuż u fuq wieħed minnhom instab ammont ta’ droga. Iż-żagħżugħ tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh. Fil-Qorti huwa nsista li d-droga kienet għall-użu personali tiegħu.

Il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex l-imputat jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli. 

Qabel: Żagħżugħ arrestat fuq traffikar ta’ droga

Eġizzjan ġie arrestat wara li nqabad b’ammont ta’ droga sintetika waqt ronda mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta. 

Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-12:45 a.m meta ż-żagħżugħ ta’ 19-il sena kien qiegħed bilqiegħda ma’ grupp ta’ persuni oħra f’parti mudlama tal-ġnien Herbert Ganado fil-Furjana.  Il-Pulizija avviċinat lill-persuni u wara atteġġjament suspettuż min-naħa tagħhom, il-pulizija għamlet tfittxija fuqhom u fil-pussess taż-żagħżugħ instabu 12-il pakkett b’sustanza suspettata droga sintetika, f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali tiegħu. 

Iż-żagħżugħ ġie arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti dalgħodu, għall-ħabta tal-11:00 a.m, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella b’akkużi relatati ma’ dan il-każ.

 L- investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt. 

Share With: