63 sena mill-istrajk ġenerali tat-28 ta’ April 1958

Bħal-lum 63 sena, il-General Workers’ Union kienet ordnat strajk ġenerali wara li ġimgħa qabel il-Gvern ta’ Duminku Mintoff kien irriżenja, peress li l-Ingliżi bdew jagħtu s-sensji minn mas-servizzi Ingliżi. 

Għall-ewwel darba, il-ħaddiema organizzaw ruħhom fl-akbar unjin tal-pajjiż u taw sinjal li ma kinux lesti jaċċettaw min jilgħab mad-destin u mal-għajxien tagħhom. Fl-istess waqt, dan l-istrajk kien mument ta’ prova għall-GWU peress li bħala unjin kienet għadha fiż-żogħżija tagħha. 

Dakinhar tal-istrajk, il-ħaddiema niżlu fit-toroq, mhux biss biex jiġġieldu għad-dritt tax-xogħol, iżda wkoll għall-ħelsien ta’ pajjiżhom. L-Ingliżi bde jheddu li jagħtu s-sensji lill-impjegati ta’ mas-servizzi u li jagħlqu t-Tarzna li kienet tħaddem iżjed minn 12,000 persuna. 

Ir-riżoluzzjoni tal-GWU, li kienet għaddiet mill-Kunsill Nazzjonali u li permezz tagħha l-ħaddiema ssejħu għal jum ta’ strajk ġenerali u jum ta protesta kienet tgħid hekk: “il-kriżi ġiet preċipitata mill-Gvern Brittanniku li bħal żminijiet oħrs fl-imgħoddi ma għarafx jonora l-obbligi tiegħu lejn il-poplu Malti.”

Kien il-Ġimgħa, 25 ta’ April li l-Kunsill Nazzjonali tal-GWU ltaqa’ b’urġenza filgħodu qabel ma filgħaxija fuq il-fosos, kif kien diġà ppjanat, kellha tlaqqa’ f’mass meeting lill-ħaddiema. Il-mass meeting intlaqat minn proklama tal-Gvernatur li ma ħallietx li jsiru laqgħat pubbliċi fil-Belt u fil-Floriana. Minħabba f’hekk, marret delegazzjoni għand il-Gvernatur biex jinstab post alternattiv għall-meeting. Il-Gvernatur qabel li l-meeting isir il-Ħamrun iżda ma ssirx dimostrazzjoni wara. 

Kien wara din l-aħbar li l-President tal-GWU ta’ dak iż-żmien, Joe Borg ressaq il-mozzjoni li baqgħet imniżżla fl-istorja ta’ pajjiżna. Din kienet titlob li t-Tnejn, 28 ta’ April 1958 jiġi organizzat strajk ġenerali ta’ protesta. Din il-mozzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Nazzjonali. 

Waqt il-mass meeting kien hemm mumenti ta’ tensjoni fejn stakkament ta’ Pulizija deher jidħol fost in-nies. Din l-azzjoni dehret bħala provokazzjoni u bħala attentat biex jitħarbat il-meeting. Kif bdiet teskala s-sitwazzjoni, il-Pulizija ġew irtirati u kollox reġa’ għan-normal. 

Il-Gvern Brittanniku beda jaħdem mal-ewwel biex jevita li jseħħ l-istrajk. Fost l-oħrajn, saret pressjoni fuq l-unjin tat-trasport biex it-trasport pubbliku ma jiqafx. Sar ukoll theddid lill-ħaddiema taċ-ċivil u agħar minn hekk kien hemm attentati biex il-GWU ma tkunx tista’ xxandar fuq ir-Redifussion l-avviżi bid-dettalji dwar l-istrajk. 

Dakinhar tal-istrajk, il-forzi Ingliżi nqabdu fuq sieq waħda għax huma kkonċentraw ruħhom il-Belt. Għalhekk ma setgħux jirrispondu għal azzjonijiet li kienu qegħdin iseħħu bnadi oħra. 

Malli sebaħ dakinhar tal-istrajk, bdew jinġabru l-ħaddiema u l-pajjiż ipparalizza ruħu. Fil-Belt Valletta l-ħwienet ma fetħux għax kulħadd ħaseb li kien se jkun hemm dimostrazzjoni. Iżda fil-verità l-Belt kienet baħħ. 

Fit-toroq kien hemm imblokk biex itellfu lit-trasport pubbliku milli jopera u biex jitħarbtu l-movimenti tal-vetturi militari. 

Mal-ħin l-awtoritajiet indunaw li kienu ġew ingannati u bosta bliet u rħula kienu f’idejn il-ħaddiema. Kien hawn li l-awtoritajiet iddeċidew li jieħdu azzjoni. Bagħtu stakkament ta’ Pulizija lejn Raħal Ġdid, iżda kif waslu s-sitwazzjoni bdiet teskala. Intbagħtet karozza tat-tifi tan-nar biex tferrex lin-nies u l-Pulizija tat l-ewwel assalt tagħha. Il-ħaddiema bdew jiġġieldu mal-Pulizija u jwaddbulhom il-ġebel. 

Peress li s-sitwazzjoni ħraxet, il-Pulizija bdew isawtu lin-nies bil-lembubi, kemm jekk in-nies kienu rġiel, kif ukoll jekk kienu tfal. Kien hemm mal-mitt persuna li peress li obdew id-direttiva tal-istrajk u ddefendew l-interessi ta’ ħuthom il-Maltin, spiċċaw ikkundannati l-ħabs. 

Din l-aħbar tal-“Battalja ta’ Raħal Ġdid” bdiet tiġri ma’ Malta kollha u immedjatament kien hemm reazzjoni mill-ħaddiema. Ġew attakkati u maħruqin l-għases ta’ Ħal Tarxien, Ħaż-Żabbar u Bormla. Vetturi tal-Pulizija nħarqu jew inkella ntefgħu l-baħar, filwaqt li fil-Marsa l-ħaddiema żvugaw ir-rabja b’attakki bil-ġebel lejn is-suldati Ingliżi. 

Ma’ tmiem il-ġurnata, il-ħaddiema semgħu mid-direttivi tal-GWU u rritornaw djarhom. L-effetti tal-istrajk baqgħu għaddejjin hekk kif il-Pulizija bdiet tarresta lil dawk li kellha provi li ħadu sehem fl-istrajk. Il-parti l-kbira kienu żgħażagħ, fosthom l-uffiċjali tal-GWU Vincent Esposito, Gerry Zammit, Francis Grech, Joseph C. Saliba, Joseph C. Scerri u Patrick. Magħhom kien hemm ukoll il-Ministri Laburisti Agatha Barbara u Berty Hyzler. 

Dan kollu mhux biex wassal biex jiġu salvati l-impjiegi tal-ħaddiema, iżda anke ħalla effett politiku li wassal lil pajjiżna lejn it-triq tal-Indipendenza. 

Share With: